Il-Ministeru għall-Ambjent fetaħ konsultazzjoni pubblika dwar l-iskema nazzjonali għar-riċiklaġġ ta’ fliexken jew bottijiet tal-plastik.
L-iskema, jekk tkun implimentata, se tagħti lura 10 ċenteżmi għal kull flixkun li jiġi rriċiklat.
Se jkunu installati 350 magna apposta mxerrda madwar Malta u Għawdex.
Il-Ministru Jose Herrera saħaq li l-għan tal-iskema huwa li Malta tilħaq il-miri tagħha tar-riċiklaġġ, għalkemm jidher li għadha lura mhux ħażin.
Sal-2020 Malta kellha tilħaq il-livell ta’ 50% riċiklaġġ, bil-mira tkun posposta għall-2025. Bħalissa 14% biss tal-fliexken tal-plastik u 4% tal-bottijiet tal-landa jiġu rriċiklati.
Kif se taħdem l-iskema?
Kull produttur se jibda jżid 10 ċenteżmi fuq kull xarba fil-flixkun tal-plastik. Dan ifisser li meta tixtri flixkun b’xarba, il-prezz se jogħla b’10 ċenteżmi.
Il-konsumatur imur f’waħda minn dawn il-magni, jitfa’ l-fliexken tal-plastik u jingħata l-10 ċenteżmi fuq kull wieħed.
Kull produttur se jkollu jieħu sehem fl-iskema u fuq kull flixkun irid ikun hemm logo speċifiku biex jindika t-tip ta’ flixkun li se jkun mitfugħ fil-magni. Dan inaqqas ukoll il-possibilità ta’ serq jew frodi meta flixkun jgħaddi minn pajjiż ieħor.
Intant, kull ħanut kbir minn tal-inqas 150 metru kwadru jrid ikollu magna tal-fliexken. Għal kull 1,000 flixkun, il-ħanut se jirċievi €4.
Għadu mhux magħruf jekk il-magni hux se jibdew jagħtu l-flus huma jew inkella hux se tkun qed titħaddem sistema ta’ vawċers.