Missier il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kkonferma li nħatar mill-Gvern biex jintervista lill-impjegati tal-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, li jixtiequ jsibu impjieg alternattiv fis-settur pubbliku.
Il-ġurnal Times of Malta rrapporta kif bħalissa, Lawrence Mizzi bħala Ċermen tal-RSSL (Resources Support and Services Limited), qiegħed jintervista lill-impjegati li jixtiequ jbiddlu x-xogħol u jinfurmahom b’xogħlijiet vakanti f’dipartimenti tal-Gvern.
Mal-istess ġurnal, Lawrence Mizzi, eksimpjegat tal-Air Malta, ammetta li huwa involut f’dan il-proċess iżda saħaq li ma jarax għalfejn għandu jkun hemm kunflitt ta’ interess.
“Veru li qiegħed nintervista lill-impjegati tal-Air Malta biex isibu xogħol alternattiv mal-Gvern. Minkejja dan ħadd qatt ma qalli li jista’ jkolli kunflitt ta’ interess.
Kelliema għall-Ministeru għat-Turiżmu ma weġibx mistoqsijiet dwar jekk l-irwol ta’ missier Mizzi jistax ifisser kunflitt ta’ interess.
Ir-rapport jirrapporta wkoll kif diversi impjegati li tkellmu mal-gazzetta wrew it-tħassib tagħhom u saħqu li ma ħassewhomx komdi b’missier il-Ministru jsaqsihom dwar l-impjieg tagħhom mal-Air Malta.