14-il membru mill-Eżekuttiv tal-PN iridu jkunu żgħażagħ
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Partit Nazzjonalista nieda t-tema tal-Kunsill Ġenerali: “Infasslu Futur Flimkien.”
More in Politika
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Partit Nazzjonalista nieda t-tema tal-Kunsill Ġenerali: “Infasslu Futur Flimkien.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, qal li għada, waqt il-Kunsill Ġenerali tal-partit, se tkun qed titressaq mozzjoni bil-għan li 14-il membru tal-Eżekuttiv jibdew ikunu bilfors żgħażagħ.
Puli qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-Partit Nazzjonalista nieda t-tema tal-Kunsill Ġenerali: “Infasslu Futur Flimkien.”
Is-Segretarju Ġenerali saħaq li l-għan tal-Kunsill Ġenerali u ta’ din il-mozzjoni, se jkun li l-Partit Nazzjonalista jinfetaħ aktar għaż-żgħażagħ u jsir partit żagħżugħ.
Said tkellem fuq tiġdid li se jkun qed jgħaddi minnu l-Partit Nazzjonalista u ddeskriva l-mozzjoni li se titressaq għada bħala waħda mill-'bidliet radikali.'
"Se niftħu l-bibien beraħ biex iż-żgħażagħ ikollhom rwol akbar fl-amministrattiv u fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista," saħaq Said.
Spjega li permezz ta' din il-mozzjoni, il-Partit Nazzjonalista se jdaħħal tmiem membri oħra li jkunu żgħażagħ ta' taħt it-30 sena, biex in-numru jitla' għal 14. Dan apparti programm li se jniedi l-partit bil-għan li jħarreġ mexxejja żgħażagħ.
'Fergħa ġdida għal żgħażagħ bejn l-14 u s-17-il sena'
Matul il-Konferenza tkellem ukoll il-President tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, Joe Grech li tkellem ukoll dwar fergħa ġdida li se tkun qd tinfetaħ bil-għan li tilqa’ fiha adoloxxenti li għandhom bejn l-14 u s-17 sena.
Grech saħaq li l-fergħa ‘Start’ se tkun imnedija anke fid-dawl li issa ż-żgħażagħ ingħataw id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet kollha mill-età ta’ 16-il sena.
Kemm Grech u kemm Said saħqu li t-tir tal-Partit Nazzjonalista huwa li aktar żgħażagħ ikunu involuti fl-għola strutturi tal-partit, inkluż il-Kumitat Eżekuttiv u l-Kumitat Amministrattiv.
Grech saħaq li l-fergħa l-ġdida se tkun qed tassigura li adoloxxenti jkunu fuq il-mejda mal-mexxejja fl-istrutturi tal-Partit bil-għan li l-Partit ikun f’pożizzjoni aħjar li jifimhom.
Tul il-Konferenza tkellmet ukoll il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Kristy Debono li spjegat x’se jkun jinkludi l-programm, fosthom id-diversi laqgħat distrettwali li se jkunu qed isiru fil-każini tal-Partit Nazzjonalista.
Debono saħqet li tul dawn il-laqgħat, l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiddiskuti l-aspetti kollha tal-politika Maltija, l-ammininistrazzjoni interna tal-Partit u anke l-viżjoni tat-tmexxija l-ġdida.
Id-Direttur tal-Kunsilli Lokali, Amanda Abela, spjegat kif l-istess Kunsill Ġenerali se jkun qed jiddiskuti wkoll il-viżjoni tan-nies għall-Ewropa hekk kif f’Jum l-Ewropa, iċċelebrat nhar il-Erbgħa li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jilqa’ n-nies fid-Dar Ċentrali.
Saħqet li l-għan ta' din il-laqgħa se jkun biex sena qabel l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Partit jibni viżjoni dwar dak li n-nies iridu mill-Ewropa.
Is-Sibt se tkun qed issir ukoll laqgħa għall-Kunsilliera Lokali kollha tal-Partit Nazzjonalista fid-dawl tal-elezzjonijiet tas-sena li ġejja.