'Tliet eżamijiet tal-Malti se joħolqu konfużjoni kbira fost l-istudenti'

Seba' entitajiet tal-Malti juru t-tħassib tagħhom fuq sillabu ġdid tal-Malti li se jkun introdott fl-iskejjel sekondarji

Seba' entitajiet tal-Malti ngħaqdu flimkien biex jesprimu t-tħassib tagħhom fuq sillabu ġdid ta’ Malti Vokazzjonali li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jkun qed jintroduċi fis-sekondarja.

Il-Ministeru se jkun qed jintroduċi tliet eżamijiet tal-Malti li jwasslu għal-istess livell taċ-ċertifikazzjoni tas-SEC (O Level.)

Fi kliem l-entitajiet tal-Malti, dan se joħloq konfużjoni kbira fl-iskejjel u fost l-istudenti.

“Jekk verament irid jgħin lill-aktar studenti biex jgħaddu, irid isaħħaħ it-tagħlim tal-Malti u jinvesti f’aktar riżorsi, mhux jifframmentah u jħawwad l-imħuħ ta’ kulħadd,” tisħaq l-istqarrija.

Huma talbu lill-Ministeru biex jgħid x’se jkun hemm differenti fl-eżami tal-Malti “Vokazzjonali.” Liema komponenti elementari tat-tagħlim tal-lingwa se jwarrab mill-edukazzjoni tat-tfal fis-sekondarja? Għal liema “vokazzjoni” (jew xogħol) se jkun immirat? Għall-“vokazzjoniijiet” kollha?

“Dan hu mod kif il-livell tal-Malti jitbaxxa"

Saħqu li l-Malti li l-istudenti jitgħallmu llum fis-sekondarja, li l-Ministeru qed isejjaħlu “akkademiku biss”, hu l-aktar livell bażiku ta’ Malti fi tmiem l-edukazzjoni sekondarja u obbligatorja, b’kontenut li jinkludi l-grammatika u l-ortografija Maltija, il-qari, il-kitba (bħall-esej u l-ittra), u l-letteratura (adattata għall-età tal-istudenti tas-sekondarja).

“Fil-kurrikulu nazzjonali, dan il-Malti ĊES dejjem tqies bħala l-istandard komuni ta’ għarfien fil-lingwa Maltija, bħala preparazzjoni bażika għal diversi setturi ta’ xogħol u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni postsekondarja,” komplew l-akkademiċi.

Minn Mejju 2022 dan l-istess eżami Malti ĊES se jieħu forma ġdida: żewġ karti li jindirizzaw żewġ livelli differenti, u l-istudenti se jkunu jistgħu jagħżlu l-karta li twassalhom jieħdu ċertifikazzjoni skont il-ħiliet tagħhom.

“Allura għaliex għandu jkun hemm eżami ieħor, separat u differenti, li se jitqies iżjed rilevanti għal min diġà fis-sekondarja jaqbad linja vokazzjonali?” staqsew l-esperti  tal-Malti. “Dan hu mod kif il-livell tal-Malti jitbaxxa u fl-istess ħin jingħata l-istess tip ta’ ċertifikazzjoni.”

"Inqas flessibilità għall-istudenti fil-futur"

Komplew jispjegaw li jekk il-“Malti Vokazzjonali” se jkun marbut ma’ xogħlijiet partikulari minn età bikrija fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja, l-istudenti li jagħżluh “se jkunu żvantaġġati għal għomorhom kollu b’livell u b’kontenut inqas ta’ Malti.”

Jisħqu li din is-segregazzjoni bejn gruppi ta’ studenti li, “fi stadju bikri wisq f’ħajjithom,” se jintalbu jieħdu rotta partikulari, marbuta ma’ kategorija ta’ xogħol, se tnaqqsilhom mill-flessibilità fl-għażliet tagħhom aktar tard.

“Il-Ministru għandu jindirizza b’mod aktar serju s-sitwazzjoni ta’ studenti li mhumiex jagħmlu l-eżamijiet fi tmiem l-edukazzjoni sekondarja, u mhux joħloq sistema li tgħatti din il-problema b’ċertifikati ugwali għal livelli differenti ta’ ħila,” tkompli l-istqarrija.

Intant għada, fuq il-gazzetta ILLUM se jkun ippubblikat artiklu li fih is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri, iwieġeb għal diversi mistoqsijiet li qed isiru dwar it-tagħlim tal-Malti.

Il-Firmatarji ta’ din l-istqarrija huma:

  • L-Akkademja tal-Malti
  • Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università
  • Id-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College (UM)
  • L-Għaqda tal-Malti – Università
  • Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti
  • Għaqda Poeti Maltin
  • L-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, l-Università ta’ Malta
  • Dr Sarah Grech (Centre for English Language Proficiency)

Aqra wkoll: 

More in Politika