Il-Prim Imħallef jaqbeż ir-riċeviment, ixammar il-kmiem u jibda jisma' l-każijiet
“La hemm ħafna xogħol xi jsir, ma nistgħux naħlu l-ħin,” saħaq il-Prim Imħallef fl-ewwel diskors tiegħu
More in Politika
“La hemm ħafna xogħol xi jsir, ma nistgħux naħlu l-ħin,” saħaq il-Prim Imħallef fl-ewwel diskors tiegħu
Il-Prim Imħallef il-ġdid, Joseph Azzopardi, iddeċieda li jaqbeż ir-riċeviment tal-inawgurazzjoni tiegħu, ixammar il-kmiem u jibda mill-ewwel jisma’ każijiet li hemm jistennew quddiem il-Qorti tal-Appell.
“La hemm ħafna xogħol xi jsir, ma nistgħux naħlu l-ħin,” saħaq il-Prim Imħallef.
Fl-ewwel diskors tiegħu, tkellem fuq il-bżonn li tkun indirizzata l-lista pjuttost twila ta’ każijiet pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell.
Azzopardi saħaq li hemm żewġ fatturi li qed iżidu l-lista ta’ każijiet pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell. L-ewwel, il-fatt li qed jinqatgħu aktar sentenzi mill-ewwel Qorti u l-Qorti Ċivili u t-tieni r-raġuni hija l-fatt li l-każijiet kostituzzjonali qed isiru aktar diffiċli.
'Każijiet familjari u dwar kuntratti tal-Gvern għandhom jinqatgħu malajr'
Huwa u jitkellem dwar każijiet li jinvolvu membri ta’ familja, il-Prim Imħallef saħaq li dawn għandhom jinqatgħu kemm jista’ jkun malajr.
Tkellem ukoll dwar każijiet pendenti li jinvolvu kuntratti kbar tal-Gvern u li fi kliemu wkoll għandhom ikunu indirizzati kemm jista’ jkun malajr.
Il-Prim Imħallef appella lill-avukati u lil dawk kollha involuti fil-proċess tal-każijiet fil-Qrati biex jevitaw dewmien żejjed.
Irrefera b’mod partikolari għall-proċess li permezz tiegħu persuni jkunu ordnati jidhru quddiem il-Qorti. Fi kliemu, xi kultant dawn idumu ħafna biex jinħarġu.
Lill-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici u lid-Deputati oħra preżenti, ħeġġiġhom biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jekk hemm bżonn jiddaħħlu fis-seħħ emendi legali li jistgħu iħaffu l-proċessi fil-Qrati.