Il-Gvern iniedi fond ta' €2 miljun għar-riċerka b’rabta mal-ispazju

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri spjega kif il-fond huwa mmirat biex tkun użata aħjar l-informazzjoni miġbura mis-satelliti

Is-Segretarju Parlamentari għall-Innovazzjoni, Silvio Schembri nieda fond nazzjonali ta’ €2 miljun immirat biex jgħin fir-riċerka b’rabta mal-ispazju. Il-fond se jopera bejn 2018-2022.

Schembri saħaq li dan il-fond hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu għal Malta u hu mmirat lejn benefiċjarji Maltin u se jagħti bidu biex ikun esplorat aħjar is-settur spazjali f’kuntest Malti.

Spjega kif il-fond huwa mmirat lejn proġetti li jindirizzaw il-proċess u l-mod ta’ kif l-informazzjoni miġbura minn osservazzjoni tad-dinja permezz ta’ satelliti, tkun użata aħjar. 

B’kollox se jingħataw fondi għal proġetti ta’ 20 xahar ta’ riċerka fuq bażi ta’ kull sena b’sejħiet kompetittivi u fondi għal proġetti b’użu ta’ immaġini minn satelliti fuq Malta biex ikunu indirizzati aħjar l-isfidi nazzjonali.

Kif se tgħin din ir-riċerka?

Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari spjegat kif dawn il-proġetti se jwasslu biex

  • jgħinu aħjar fid-deċiżjonijiet li jittieħdu b’rabta mal-użu tal-art,
  • ippjanar aħjar għall-infrastruttura tat-toroq,
  • jgħinu biex tkun indirizzata l-immigrazzjoni illegali b’mod iżjed effettiv,
  • ikun protett l-ambjent,
  • wieħed jifhem aħjar il-vulnerabilità ta’ żoni kostali,
  • il-moniteraġġ għal arja ta’ kwalità, 
  • jgħinu biex wieħed ikun preparat f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

L-inizjattiva se tkopri riċerka taħt il-fond dwar ir-riċerka b’rabta mal-ispazju u attivitajiet edukattivi taħt il-programm edukattiv dwar l-ispazju.

“Dan se jwassal għal attività ġdida ekonomika li tikkumplimenta l-isforzi ta’ Malta li timmodernizza l-industrija billi tinbidel f’waħda bbażata iżjed fuq it-tagħlim,” saħaq Schembri. “Se ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Maltija u se tistimula l-innovazzjoni u r-riċerka fuq livell nazzjonali kif ukoll toħloq kooperazzjonijiet fuq livell internazzjonali.”

Apparti minn hekk, se jitnieda dalwaqt programm edukattiv dwar l-ispazju u se jagħti iżjed tagħrif edukattiv immirat lejn l-istudenti biex jitgħallmu u jitqajjem iżjed interess f’dan is-settur. 

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal li bħala benefiċjarji ta’ dan il-programm, il-pubbliku, il-qasam privat Malti, ir-riċerkaturi u l-entitajiet akkademiċi għandhom l-opportunità u l-fondi biex jesploraw il-potenzjal ta’ informazzjoni miġbura minn satelliti b’rabta ma’ oqsma tematiċi differenti. 

Il-fond hu inizjattiva nazzjonali b’appoġġ mill-Aġenzija Ewropea Spazjali u hu possibbli permezz ta’ ftehim li seħħ f’Marzu.

Is-sejħa għal proposti nfetħet illum u se tibqa’ miftuħa għat-8 ġimgħat li ġejjin.

Għal iżjed informazzjoni wieħed jista’ jagħmel kuntatt fuq [email protected]

More in Politika