Azzopardi meħlus minn allegazzjonijiet li influwenza skema għall-benefiċċju tiegħu

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kien irċieva ittra anonima b'diversi allegazzjonijiet kontra l-eks Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ħeles lill-eks Segretarju Parlamentari responsabbli minn Negozji ż-Żgħar u l-Artijiet, Jason Azzopardi, minn allegazzjonjiet li kienu saru fuqu fl-2016 dwar xiri ta’ proprjetà f’Santa Luċija.

F’rapport ippubblikat illum, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika qal li fil-25 ta’ Jannar 2016, kien irċieva ittra anonima li kienet tallega li Azzopardi kien uża l-pożizzjoni tiegħu biex jitħaffef il-proċess ta’ pagament rigward art f’Santa Luċija li kienet esproprijata għall-finijiet tal-Iskema tal-Home Ownership (HOS).

L-istess allegazzjonijiet kienu jgħidu li kien Azzopardi stess li nnegozja x-xiri ta’ proprjetà li kienet taqa’ taħt il-kundizzjonijiet tal-HOS u li kienet mibnija fuq biċċa art li kienet ġiet akkwistata għal dan l-għan.

Fir-rapport tiegħu, l-Awditur jisħaq li “għalkemm l-informazzjoni kienet ġeneralment korretta, din ma kkunsidratx il-kuntest storiku, legali u amministrattiv marbut ma’ dan il-każ.”

L-Awditur jispjega li dawn il-fatturi kellhom sehem kruċjali biex jiddetermina jekk l-eks Segretarju Parlamentari influwenzax il-proċessi tal-Iskema tal-Home Ownership għall-benefiċċju tiegħu.

“F’dan ir-rigward, din l-investigazzjoni ma sabitx evidenza li tikkorrobora l-allegazzjonijiet u l-implikazzjonijiet li saru fl-ittra anonima.”

L-Awditur spjega li n-negozjati għax-xiri ta’ din il-proprjetà mill-eks Segretarju Parlamentari bdew wara d-dikjarazzjoni tal-Gvern fil-Budget 2010 li kien se jindirizza każijiet pendenti tal-HOS. Dawn in-negozjati, skont ir-rapport, segwew il-proċessi amministrattivi li bdew f’Novembru 2009 min-naħa tad-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern biex jindirizza każijiet pendenti ta’ kumpens ta’ esproprjar ta’ artijiet marbuta mal-Iskema tal-HOS f’Santa Luċija. 

Ir-rapport jikkonkludi li “l-proċessi biex jikkonkludu l-akkwist ta’ artijiet għall-finijiet ta’ HOS, imħaddna mill-GPD u mill-Awtorità tad-Djar, segwew ir-rekwiżiti legali u amministrativi.”

L-investigazzjoni nnutat ukoll nuqqasijiet amministrattivi li b’xi mod jew ieħor influwenzaw proċessi marbuta mal-akkwist tal-artijet. Ir-rapport innota kif “in-nuqqas ta’ policy dokumentata dwar il-prijoritizzazzjoni ta’ kumpens mistħoqq għall-artijiet esproprijati titbiegħed mill-prinċipju ta’ trasparenza u tiddevja minn prattiċi amministrattivi tajbin.”

L-Awditur jisħaq li Policy dokumentata tnaqqas il-piż tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq l-uffiċjali pubbliċi għax tnaqqas il-possibbiltà ta’ deċiżjonijiet suġġettivi.

Minħabba dawn in-nuqqasijiet, min-naħa tad-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern, sidien tal-artijiet esproprijati damu jistennew biex jiġu kumpensati, kompla r-rapport li insista wkoll li matul iż-żmien, l-esproprijazzjonijiet tal-artijiet marbuta mal-Iskema tal-HOS ma ġewx indirizzati b’mod sħiħ kif jidher mid-diversi emendi legali u amministrattivi li saru u anke mill-allokazzjonijiet finanzjarji limitati ta’ kull sena.

“In-nuqqasijiet amministrattivi kellhom impatt ukoll fuq il-benefiċjarji tal-Iskema tal-HOS fejn id-dewmien biex dawn jiffirmaw il-kuntratti mal-Awtorità tad-Djar u jsiru sidien ta’ djarhom ma kienx raġjonevoli,” saħaq l-Awditur.

More in Politika