Aġġornata | 'Qatt ma sabu xejn fuqi'
Keith Schembri jirreaġixxi għal storja ppubblikata dalgħodu mill-Proġett Daphne u jiddeskriviha bħala riċiklata
More in Politika
Keith Schembri jirreaġixxi għal storja ppubblikata dalgħodu mill-Proġett Daphne u jiddeskriviha bħala riċiklata
Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri saħaq li l-istorja ppubblikata dalgħodu bħala parti mill-Proġett Daphne, hija storja rriċiklata.
Fi stqarrija b'reazzjoni, Keith Schembri insista li l-awtoritajiet fil-British Virgin Islands qatt ma sabu xejn x'jgħidu fuqu.
X'qal ir-rapport?
Skont dokumenti ppubblikati mill-gazzetta Ġermaniża Suddeutsche Zeitung, investigaturi kontra l-ħasil tal-flus fil-British Virgin Islands kienu talbu għal informazzjoni dwar il-kumpaniji kollha li s-sidien tagħhom huma klijenti tal-kumpanija Nexia BT.
Dan ifisser li fost il-kumpaniji l-oħra, intalbet informazzjoni dwar il-kumpanija Colson li s-sid tagħha huwa ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għandu fil-British Virgin Islands.
Skont dokumenti ppubblikati mill-gazzetta Ġermaniża Suddeutsche Zeitung, lura fl-2014, il-kumpanija Colson kellha kapital ta’ $725,000.
Il-gazzetta għandha f’idha ittra, mibgħuta lill-kumpanija legali (issa magħluqa) Mossack Fonseca, lura fl-2016, li fiha l-FIA, jiġifieri l-Aġenzija tal-British Virgin Islands Kontra l-Ħasil tal-Flus, talbet għal informazzjoni fuq il-kumpanija Colson u l-operat tagħha.
Skont il-gazzetta Ġermaniża, Mossack Fonseca kienet għaddiet informazzjoni dwar Colson, fosthom anke l-isem ta’ Keith Schembri.
Ġaladarba l-investigaturi talbu informazzjoni dwar il-kumpaniji kollha li s-sidien tagħhom huma klijenti ta’ Nexia BT, Mossack Fonseca kienet għaddiet ukoll informazzjoni fuq il-kumpaniji ta’ Brian Tonna, sieħeb Schembri fin-negozju Malcomn Scerri u l-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, Adrian Hillman.
Kif wieġeb Schembri?
B'reazzjoni, Keith Schembri saħaq li hu fetaħ il-kumpanija Colson snin qabel inħatar Chief of Staff tal-Prim Ministru u fi kliemu, dan jikkonferma li l-kumpanija msemmija nfetħet minħabba raġunijiet ta' negozju.
Kif indikat fl-artiklu, ikkonferma li l-awtoritajiet kompetenti kienu talbu l-informazzjoni, kif għamlu fuq il-kumpaniji l-oħra kollha, iżda insista li qatt ma sabu xejn x'jgħidu fuqu jew fuq il-kumpaniji tiegħu.
X'ġara s'issa b'dawn l-allegazzjonijiet?
Schembri, Tonna, Scerri u Hillman qed jappellaw investigazzjoni kontrihom li ntalbet mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Ftit jiem qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Simon Busuttil kien allega wkoll li Keith Schembri kien għadda mas-€650,000 lil Adrian Hillman.
Skont Busuttil, dawn il-flus għaddew minn diversi banek, fosthom il-bank Pilatus u oħrajn mill-Iżvizzera, u ammonti minn dawn malli waslu fil-kontijiet ta' Hillman kienu investiti f'bonds.
Dwar din l-allegazzjoni għaddejja inkjesta maġisterjali.
Keith Schembri qed jaffaċja investigazzjoni separata dwar allegat tixħim ta' flus li rċieva mingħand Brian Tonna mill-bejgħ tal-passaporti.