Il-Partit Nazzjonalista fetaħ każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u talabha tiddeċiedi dwar dak li qed isejjaħ bħala ksur tad-drittijiet fundamentali fil-konfront tiegħu.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli u l-President tal-Kumitat Eżekuttiv, Mark Anthony Sammut, f’isem il-partit, appellaw mid-deċiżjoni tal-Qorti li l-ġimgħa li għaddiet qalet li l-Kummissjoni Ewropea kellha dritt tinvestiga jekk il-Partit Nazzjonalista kisix il-liġijiet dwar il-finanzjament tal-partiti.
F’Marzu tas-sena li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista kien akkużat li kiser il-liġi meta Silvio Debono, is-sid ta’ db Group, kien qal li kien intalab iħallas il-pagi ta’ żewġ uffiċjali eżekuttivi tal-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ donazzjonijiet mogħtija lil Media.Link, il-kumpanija tal-midja tal-partit.
Dan kien wassal lill-Kummissjoni Elettorali biex twaqqaf bord investigattiv bil-għan li jinvestiga l-każijiet kollha ta’ ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Il-Partit Nazzjonalista, min-naħa tiegħu kien oġġezzjona, bl-eks Kap tal-Oppożizzjoni jinsisti li l-Kummissjoni Ewropea ma tistax tkun il-ġudikant u tieħu d-deċiżjonijiet hi fl-istess ħin.
Kien saħansitra saħaq li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali tmur kontra l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittjiet tal-Bniedem, aktar u aktar għax qatt ma kien infurmat formalment bl-investigazzjoni.
Iżda fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti kienet qalet li: “il-Kummissjoni Elettorali hija mwaqqfa bil-Kostituzzjoni, b’għanijiet stabbiliti mill-Kostituzzjoni stess, u hija organu indipendenti u imparzjali li joffri l-garanziji meħtieġa. Il-Qorti tisħaq illi fil-każ tal-lum ma tressqux provi magħmula minn fatti oġġettivi, aċċertati u relevanti li b’xi mod ixejnu l-fehma tagħha.”