Gonzi kien irrifjuta l-idea għall-bejgħ taċ-ċittadinanza
Lawrence Gonzi qal li Henley & Partners ippruvaw ibigħu l-ideat tagħhom lill-Gvern li kien imexxi
More in Politika
Lawrence Gonzi qal li Henley & Partners ippruvaw ibigħu l-ideat tagħhom lill-Gvern li kien imexxi
L-eks Prim Minisru Lawrence Gonzi qal li Henley & Partners kienu ressqu quddiem Gvern Nazzjonalista bl-idea tal-bejgħ tal-passaporti, iżda saħaq li ma kienx aċċetta.
Ma’ The Malta Independent, Gonzi qal li Henley & Partners ippruvaw ibigħu l-ideat tagħhom lill-Gvern li kien imexxi iżda ma ġewx aċċettati “sempliċiment għax jiena ma naqbilx mal-kunċett tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.”
Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Ewroparlamentari Soċjalista Ana Gomes ippubblikat dak li ntqal bejn membri tal-Parlament Ewropew u uffiċjali ta’ Henley & Partners waqt laqgħa, permezz ta’ videoconference, li saret f’Marzu.
Fost affarijiet oħra, l-MEPs staqsew lil Henley & Partners dwar il-kuntatt li kellhom mal-Gvern Malti u kif daħal fis-seħħ il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.
Henley & Partners kienu wieġbu li ilhom Malta għal dawn l-aħħar 20 sena u li kellhom kuntatt “kostanti” mal-Gvernijiet, inklużi dawk Nazzjonalisti, dwar il-programmi ta’ residenza u "dan il-Gvern kien għażel 'l-idea taċ-ċittadinanza'." Saħqu li kienu ilhom involuti fir-riforma tal-programm ta’ residenza għall-barranin.
“Fil-każ ta’ Malta, il-Gvern kien ħareġ tender u H&P irċevew il-mandat,” komplew jgħidu.
Aktar tard qalu li kellhom xi diskussjonijiet mal-Gvernijiet preċedenti fuq l-IIP, iżda kien il-Gvern preżenti li fformalizza l-programm.
Fl-aħħar jiem, il-MaltaToday ippubblikat aktar dettalji ta’ dak li staqsew l-Ewroparlamentari u kif wieġbu H&P.