Il-PD iħeġġeġ lill-PL u lill-PN biex jieħdu pożizzjoni dwar Ħondoq ir-Rummien

Wara aktar minn 16-il sena, il-PD saħaq li ħadd mill-partiti l-kbar ma ddikjara jekk jaqbilx jew le mal-proġett propost għall-Ħondoq ir-Rummien

Il-Partit Demokratiku ħeġġeġ lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista biex jieħdu pożizzjoni darba għal dejjem dwar il-proġett propost għall-Ħondoq ir-Rummien u jgħidu jekk jaqblux miegħu jew le.

Il-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien ilu jiġi propost minn qabel s-sena 2000 u minkejja li ġie rrifjutat diversi drabi, l-iżviluppaturi ma qatgħux qalbhom u baqghu japplikaw bl-għan li xi darba dan il-proġett isir.

L-iżvilupp propost, u li l-ġimgħa l-oħra ġie deċiż li għandu jerġa’ jibda l-proċess mill-ġdid, jinkludi yacht marina, lukanda, vilel, appartamenti, bungalows, maisonettes, ħwienet, ristoranti u uffiċini.

Snin ilu kien sar referendum fost ir-residenti tal-Qala b’85% jivvutaw kontra dan il-proġett.

Minkejja dan, fi stqarrija, il-Partit Demokratiku saħaq li ż-żewġ partiti l-kbar qatt ma qalu kif jaħsbuha dwar dan il-proġett.

L-eks Prim Ministru Alfred Sant kien favur il-Marina biss, iżda minn dakinhar ħadd aktar ma qatt kif jaħsibha, la mill-Partit Laburista u wisq inqas mill-Partit Nazzjonalista.

L-uniku oppożizzjoni għal dan il-proġett huwa Moviment Ħarsien Ħondoq flimkien ma’ numru ta’ NGOs lħra fosthom Flimkien għal Ambjent Aħjar, Ramblers Association, Nature Trust, Friends of the Earth Malta u Din l-Art Ħelwa.

Filwaqt li insista li mhux kontra l-iżvilupp f’Għawdex, b’mod partikolari dak li joħloq impjiegi għall-Għawdxin, fl-istess waqt il-Partit Demokratiku saħaq li dan ma għandux jhedded il-karrateristika tal-pajsaġġ Għawdxi.

More in Politika