Jum l-Omm | Appell mill-Kummissjoni Emigranti biex familji jingħaqdu mill-ġdid

Il-Kummissjoni Emigranti qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiffaċilitaw il-proċess biex ġenituri, li għandhom protezzjoni sussidjarja f’Malta, jingħaqdu mal-ulied

Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, iċċelebrat nhar il-Ħadd li ġej, il-Kummissjoni Emigranti qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiffaċilitaw il-proċess  li permezz tiegħu, ġenituri li għandhom protezzjoni sussidjarja f’Malta, ikunu jistgħu jingħaqdu mal-ulied li minħabba raġuni jew oħra kellhom iħalluhom warahom.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Emigranti saħqet li f’Malta hawn tfal ma’ ommijiet u li għadhom qatt ma kellhom ix-xorti li jaraw lill-missierhom u jsiru jafuh. Ommijiet ilhom snin imċaħħda minn uliedhom li kellhom iħallu warajhom.

Propju għalhekk li t-taqsima refuġjati qed tappella lill-awtoritajiet biex bħala ġest umanitarju jiftħu l-bieb u jiffaċilitaw ir-rijunifikazzjoni tal-familji fil-każi fejn il-missier jew l-omm għandhom protezzjoni sussidjarja f’Malta.

Monsinjur Alfred Vella, id-Direttur tal-Kummissjoni Emigranti saħaq li f’Jum l-Omm għandu jingħata ġieħ lill-ommijiet kollha filwaqt li saħaq li f’Malta hawn ommijiet li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u kellhom iħallu warajhom lill-uliedhom jew għax kienu żgħar wisq jew għax ma kellhomx il-mezzi.

“Din hi firda kiefra li niltaqgħu magħha sikwit,” saħaq Monsinjur Vella.

Għalhekk appella lill-awtoritajiet biex jaraw kif jistgħu jwasslu għall-għaqda mill-ġdid ta’ dawn il-familji, kemm għal dawk li jgawdu status ta’ refuġjati, li għalihom dan huwa dritt li joħroġ mill-Konvenzjoni tal-1951, imma wkoll għal dawk li jgawdu minn ‘protezzjoni sussidjarja’.

“Ikun ta’ ġieħ kbir għal pajjiżna jekk isib il-mezz adattat biex id-dritt li japplikaw għar-rijunifikazzjoni tal-familja, li għandhom diġà r-refuġjati, jibda jiġi estiż ukoll, bil-kundizzjonijiet adatti, għal dawk li jkollhom protezzjoni sussidjarja jew umanitarja,” temmet tgħid il-Kummissjoni.

More in Politika