Filmat | 'Efimova teħtieġ il-protezzjoni'; David Casa jixhed f'Ateni
Casa qal li jekk Maria Efimova tiġi Malta, is-sigurtà tagħha ma tkunx assigurata
More in Politika
Casa qal li jekk Maria Efimova tiġi Malta, is-sigurtà tagħha ma tkunx assigurata
Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa għal darb'oħra mar Ateni biex jixhed il-każ ta' Maria Efimova.
F'filmat fuq Facebook, Casa qal li jekk Maria Efimova tiġi Malta, is-sigurtà tagħha ma tkunx assigurata.
L-Ewroparlamentari qal li tkellem ukoll dwar il-Proġett Daphne li fi kliemu qed joħroġ aktar fil-beraħ il-korruzzjoni tal-Gvern.
Insista li ħass li kellu dmir li jitla' jixhed f'Ateni.
Il-Qorti Griega kienet iddeċidiet li tilqa' t-talba ta' Maria Efimova u biex ma tintbagħtx Malta, anke jekk pajjiżna ħareġ mandat ta' arrest Ewropew kontriha. Din id-deċiżjoni kienet ġiet appellata.
Dan minkejja li mal-ILLUM il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien qal illi l-Griegi u speċifikament il-Gvern Grieg huwa obbligat li jibgħat lura lil Efimova minħabba li l-Greċja hija membru tal-Unjoni Ewropea.
Efimova għandha żewġ każijiet kontriha; wieħed mill-Bank Pilatus li qed jakkużaha bi frodi u l-ieħor li kien infetaħ minn żewġ persuni fil-Korp tal-Pulizija, wieħed minnhom l-eks Spettur tal-Pulizija Johnathan Ferris, li ironikament, bħal Efimova, qed jitlob li jingħata protezzjoni ta' whistleblower li mhux qed tingħatalu.
Efimova hija l-mara wara l-allegazzjoni illi f'safe fil-kċina tal-Bank Pilatus kien hemm dokumenti li juru illi l-kumpanija fil-Panama Egrant Inc. hija proprjetà ta' Michelle Muscat u li mill-kont ta' din il-kumpanija fil-Bank Pilatus għaddew mal-$1 miljun minn bint il-President tal-Ażerbajġan Illham Alliyev.
Kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u anke martu ċaħdu aktar minn darba din l-allegazzjoni. Il-Prim Ministru saħansitra talab inkjesta maġisterjali li magħha rabat il-futur politiku tiegħu.
Aqra wkoll:
Kif il-mandat ta' arrest Ewropew minn Ċipru qatt ma deher imkien
L-istorja KOLLHA ta' Efimova minn mindu ħarġet l-istorja 'Egrant'
Kif Efimova indikat li ma kinitx is-sors oriġinali tal-allegazzjoni 'Egrant'
Kif ma preżentatx dokumenti lill-MEPs li kellmet
Meta indikat li jekk tiġi lura Malta ħajjitha tkun fil-periklu