Fil-jiem li għaddew bdiet ħidma biex isiru xogħlijiet ta’ titjib u tiswijiet f’numru ta’ toroq f’San Ġiljan u f’Paceville, u anke f’lokalitajiet oħra bil-għan li jkunu lesti qabel is-sajf.
Din il-ġimgħa, permezz ta’ xogħol bil-lejl, il-kuntratturi lestew l-asfaltar mill-ġdid ta’ Triq San Ġorġ, fil-Bajja ta’ Spinola, biex fil-ġimgħat li ġejjin ser isir xogħol simili f’diversi toroq oħra.
Qed isiru xogħlijiet oħra f’diversi toroq li jwasslu għal bajjiet ewlenin, fosthom it-toroq lejn St Peter’s Pool f’Delimara, ir-rotta ewlenija li twassal għall-Mellieħa, l-Għadira, l-Armier u ċ-Ċirkewwa, fost oħrajn.
Dan apparti l-bini mill-ġdid tat-toroq li jwasslu għax-xtajta ta’ Għar Lapsi, fis-Siġġiewi.
Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapital qal li dan huwa huwa parti mill-investiment sostanzjali li qed isir fit-toroq anke bis-saħħa tal-ħidma kontinwa li qed titmexxa mid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta.
Il-Ministeru fakkar li fiż-żmien li ġej dan id-Direttorat ser ikun qiegħed jgħaddi taħt l-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, li ser tkun qed tfassal u twettaq l-investiment €700 miljun fit-toroq.