Il-PD jistaqsi jekk bdietx investigazzjoni dwar ir-rivelazzjonijiet tal-Proġett Daphne

Fi stqarrija l-Partit Demokratiku insista li r-rapporti jipprovdu dettalji u dokumentazzjoni aktar profonda fuq l-istejjer “antiki” li l-midja indipendenti kienet ħarġet

Il-Partit Demokratiku saħaq li l-pubbliku għandu jkun infurmat jekk bdewx investigazzjonijiet fuq dawk li sejħilhom rivelazzjonijiet ġodda u dettaljati dwar “il-korruzzjoni istituzzjonalizzata.”

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku insista li r-rivelazzjonijiet juru li nies fl-ogħla livelli tal-Gvern huma involuti f’korruzzjoni “kolossali u verament tal-waħx.”

Il-PD żied jgħid li r-raġuni li qiegħed jagħti l-Prim Ministru, biex jiġġustifika għaliex irrifjuta li jikkummenta dwar dawn ir-rivelazzjonijiet, hija "ridikola," u għall-kuntrarju ta’ dak li qed jgħid il-Prim Ministru, l-istejjer tal-Proġett Daphne u l-midja indipendenti mhumiex stejjer antiki.

“Dawn ir-rapporti jipprovdu dettalji u dokumentazzjoni aktar profonda fuq l-istejjer “antiki” li l-midja indipendenti kienet ħarġet,” tisħaq l-istqarrija.

Kien għalhekk li l-Partit Demokratiku insista li huwa inkwetanti “in-nuqqas ta’ aġir,” tal-Kummissarju tal-Pulizija fid-dawl ta’ dawn ir-rivelazzjonijiet.

“Infakkruh li, skont il-liġi, il-Kostituzzjoni ta’ Malta tobbligah jipprevjeni t-twettiq ta’ reati mingħajr eċċezjonijiet, tobbligah japplika l-liġi mingħajr ebda diskriminazzjoni, u jmexxi b’onestà u b’mod effettiv id-doveri kollha assenjati lilu mill-Att dwar il-Pulizija jew kwalunkwe liġi oħra,” tisħaq l-istqarrija.

Fost oħrajn, il-Partit Demokratiku qed jistenna investigazzjoni dwar dak li sejjaħ bħala diskrepanzi bejn l-istqarrijiet ta’ Konrad Mizzi, fosthom li l-kont bankarju tal-kumpannija offshore tiegħu kien fiha biss €92, u r-rapport tal-FIAU li jgħid li l-kont kien fih €9,200.

Rapporti oħra jinkludu l-prokura tal-Ministru Konrad Mizzi lil Nexia BT, l-imejl mibgħuta minn Karl Cini dwar il-kumpanija 17 Black u l-flus li kellhom jirċievu l-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri u r-rapport tal-FIAU dwar il-Ministru Mizzi, fost oħrajn.

Kif kienu wieġbu Konrad Mizzi u Keith Schembri?

Kemm Konrad Miziz u anke Keith Schembri ċaħdu l-allegazzjonijiet tal-Proġett Daphne.

Fil-qosor, l-istorja dwar 17 Black kienet tallega li din il-kumpanija kienet irċeviet flus kbar mis-Seychelles u anke minn Aġent Lokali tat-Tanker LNG. Dawn il-flus kellhom imorru fil-kumpaniji fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, permezz ta’ kontijiet li ppruvaw jiftħu fil-Bahamas, liema kontijiet baqgħu qatt ma nfetħu.

Min-naħa tiegħu, Keith Schembri kien saħaq li 17 Black u l-kumpanija MacBridge "kienu parti mill-pjani ta' negozju tiegħi bħala klijenti potenzjali."

Schembri kien qal li l-kumpaniji tiegħu jagħmlu tużżani ta' pjanijiet u qal li l-ebda tranżazzjonijiet ma kienu qatt rrekordjati minn dawn il-kumpaniji għalih. "M'għandi l-ebda għarfien ta' dan l-allegat ħlas, kien saħaq Schembri.

Meta mistoqsi mill-Proġett Daphne, Konrad Mizzi kien qal li ma kien hemm l-ebda rabta bejn il-kumpaniji, it-trust u l-kumpanija 17 Black. Kelliem kien insista ma’ dak li dejjem qal il-Ministru Mizzi, jiġifieri li Hearnville (il-kumpanija fil-Panama) qatt ma kellha kont bankarju u li qatt ma rċeviet flus mingħand ħadd.

More in Politika