16-il miljun stikka fis-sena lil 30,000 persuna dijabetika

Minn din is-sena, dawk kollha li għandhom se jkunu qegħdin jingħataw stikek b’xejn biex jiċċekjaw iz-zokkor

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne nieda t-tielet u l-aħħar parti minn proġett li permezz tiegħu dawk kollha li għandhom id-dijabete se jkunu qegħdin jingħataw stikek b’xejn biex jiċċekjaw iz-zokkor.

Fearne qal li ta’ kull sena se jibdew jitqassmu mas-16-il miljun stikka fis-sena lil madwar 30,000 persuna dijabetika, bl-ispiża tlaħħaq madwar miljun ewro fis-sena. 

Il-proġett beda fl-2016 meta t-tfal dijabetiċi bdew jingħataw stikek  b’xejn kienu t-tfal. Eventwalment dan kien ġie estiż għad-dijabetiċi Type 1 kollha u wara għad-dijabetiċi Type 2 li qegħdin fuq l-insulina. Dawn kollha qed jingħataw erba’ stikek kuljum.

Minn issa, dan il-proġett se jkun estiż għad-dijabetiċi kollha li qegħdin fuq medikazzjoni. Għalkemm madwar 22,000 oħra se jkunu intitolati għal stikka b’xejn kuljum.

Din il-fażi tal-proġett se tibda fi stadji.

Ta’ kull xahar pazjenti li jġibu l-mediċini minn lokalitajiet diversi tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek se jkunu qegħdin jirċievu ittra biex jiġbru l-istikek tagħhom.

Fl-aħħar jiem intbagħtu l-ittri tal-ewwel erba’ lokalitajiet: il-Marsa, il-Ħamrun, il-Belt Valletta u Furjana.

Sal-aħħar tas-sena se, xahar xahar, se jiżdiedu l-lokalitajiet kollha.

More in Politika