Arrigo jħeġġeġ lill-partitarji, iwissi dwar telfa akbar

Arrigo wissa li jekk il-partitarji mhux se jingħaqdu wara Adrian Delia l-Partit Laburista jista' jirbaħ maġġoranza ta' żewġ terzi fil-Parlament

Il-Viċi Kap Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit, Robert Arrigo ħeġġeġ lill-partitarji biex jingħaqdu wara l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għax saħaq li jekk dan ma jseħħx, il-Partit Laburista jista’ jirbaħ maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament.

Waqt diskors li għamel f’attività tal-Partit Nazzjonalista, bħala parti mill-Kunsill Ġenerali Annwali, Arrigo qal li jekk il-Partit Laburista jkollu din il-maġġoranza, il-Gvern se jkun jista’ jemenda l-Kostituzzjoni mingħajr il-bżonn li jkollu l-kunsens tal-Oppożizzjoni.

Huwa insista li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jippreżenta lilu nnifsu aħjar, għax fi kliemu, il-Grupp Parlamentari huwa magħqud iżda dan il-messaġġ mhux qed jasal għand in-nies.

Tul l-istess attività, li fakkret il-25 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, il-Viċi Kap qal li huwa kburi li kapaċi jitlob maħfra wara messaġġ li kien bagħat lil profil anonimu u li fih qal li l-Partit Nazzjonalista se jitlef it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew jekk in-nies ta’ madwar Adrian Delia ma jinbidlux. 

F’dan il-messaġġ, Arrigo kien qed jirreferi għall-Membri Parlamentari Kristy Debono u Herman Schiavone u għall-Assistent Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono.

Huwa kkundanna wkoll lil dawk il-ġurnalisti u anke Membri Parlamentari li fi kliemu qed jagħmlu użu minn profiles foloz fuq Facebook.

Lil dawk li għad għandhom dubju f’Adrian Delia, Arrigo ħeġġiġhom biex jersqu quddiem il-kap u jiddiskutu miegħu x’inhuma r-riservi tagħhom.

Kien hawn li dar fuq Adrian Delia u qallu direttament li għalkemm dam ħafna biex jaċċettah għax diffiċli tirbaħ il-fiduċja tiegħu, meta poġġa “l-karti u l-evidenza kollha fuq il-medja,” ikkonvinċih.

Temm  id-diskors tiegħu jwissi fuq l-aħbarijiet u l-blogs foloz u saħaq li hemm rabta bejn it-telfiet il-kbar li ġarrab il-Partit Nazzjonalista u l-iżvilupp tal-midja soċjali u l-blogs.

More in Politika