Taħdidiet mal-Gvern biex jiżdiedu r-rotot f’ċerti lokalitajiet
Mistennija jibdew ukoll rotot diretti minn postijiet differenti għall-Belt Valletta, fosthom minn San Ġiljan, l-Ajruport u Marsaxlokk
More in Politika
Mistennija jibdew ukoll rotot diretti minn postijiet differenti għall-Belt Valletta, fosthom minn San Ġiljan, l-Ajruport u Marsaxlokk
Wasal is-sajf u mid-dehra dan is-sajf ġie aktar kmieni mhux biss għax it-temperatura bdiet tielgħa imma wkoll għax in-numru ta’ turisti beda jiżdied sew. U mkien ma jinħass iktar daqs fuq tallinja fejn in-numri jibdew jiżdiedu, bil-konsegwenza li ħafna vetturi jkunu mimlijin nies minn punt kmieni fil-vjaġġ. Dan iwassal biex ammont ta’ nies jibqgħu fuq l-istejġ u jdumu jistennew.
Matul din il-ġimgħa fil-fatt, il-gazzetta ILLUM irċeviet xi ilmenti dwar ħin twil ta’ stennija fl-inħawi ta’ Tas-Sliema, direzzjoni lejn il-Belt u ilmenti oħrajn minn San Pawl il-Baħar, dwar vetturi ġejjin miż-żoni tal-Mellieħa u/jew iċ-Ċirkewwa.
F’kuntatt mal-gazzetta ILLUM kelliema għall-Malta Public Transport (MPT) filwaqt li ammettiet li f’dan iż-żmien tas-sena u tul is-sajf tinħoloq din il-problema, żvelat ukoll kif l-MPT bħalissa tinsab f’diskussjonijiet mal-Gvern dwar żoni fejn in-numru ta’ passiġġieri fuq it-trasport pubbliku huwa għoli ħafna.
Hi spjegat kif madwar 50% ta’ dawk kollha li jużaw it-trasport pubbliku ġejjin minn 20% tar-rotot, li allura jfisser konċentrazzjoni qawwija fuq dawn ir-rotot. Fost l-aktar rotot li huma popolari hemm dawk bin-numru 13, 14, 16 u dawk kollha li miż-żona ta’ San Ġiljan/Sliema jmorru l-Belt, kif ukoll dawk kollha li mill-Marsa jmorru l-Belt Valletta.
Il-kelliema qalet ukoll lil din il-gazzetta illi apparti t-taħdidiet mal-Gvern dan is-sajf se jerġgħu jibdew rotot diretti minn postijiet differenti għall-Belt Valletta, fosthom minn San Ġiljan, l-Ajruport u Marsaxlokk għall-Belt. Dan inaqqas mill-pressjoni fuq it-trasport pubbliku f’żoni fejn ikun hemm ħafna turisti.