Pjazza Kastilja tisbaħ b'ritratt tal-PM bħala 'l-imperatur għarwien'

“L-imperatur mingħajr ħwejjeġ” tpoġġa matul il-lejl mill-grupp anonimu Reżistenza Malta

Dalgħodu Pjazza Kastilja sebħet b’ritratt editjat tal-Prim Ministru Joseph Muscat bla ħwejjeġ u b’badge ta’ Henley & Partners.

Dan tpoġġa mill-grupp Reżistenza Malta, li fl-aħħar ġimgħat poġġa diversi oġġetti u posters ma’ ministeri u postijiet oħra, jitolbu għar-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi, taċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri u tal-Prim Ministru nnifsu.

“L-imperatur mingħajr ħwejjeġ” tpoġġa matul il-lejl li għadda u ritratti tiegħu tpoġġew ukoll fuq strixxuni li lbieraħ tpoġġew fit-toroq mill-Forum Żgħażagħ Laburisti.

Fi stqarrija, il-grupp saħaq li “it-trasformazzjoni taċ-ċittadinanza Maltija f’oġġett ta’ negozju timmina l-valuri fundamentali tagħha.”

Saħaq li fl-2013 il-pajjiż kien imwiegħed “gvern nadif b’tolleranza zero għall-korruzzjoni,” iżda insista li dan hu ferm differenti minn dak li twettaq.

“Il-verità hi evidenti għal kull min għandu għajnejn biex jara u l-kuraġġ biex jitkellem. L-Imperatur hu għarwien,” ittemm tgħid l-istqarrija.

More in Politika