Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li wieħed irid jistenna u jara min se jkun il-Prim Ministru l-ġdid Taljan qabel ma jibda jinkwieta fuq il-politika Taljana dwar l-immigrazzjoni.
Muscat kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-MaltaToday dwar id-diskussjonijiet għal koalizzjoni li għaddejin fl-Italja bejn il-Movimont Cinque Stelle u l-Lega, bil-għan li jkun iffurmat gvern ġdid, xahrejn wara l-elezzjoni ġenerali li tat lit-Taljani Parlament staġnat.
Fil-kampanja elettorali, dawn iż-żewġ partiti kienu wiegħdu li jekk ikunu fil-Gvern se jaddottaw politika aktar ħarxa fuq l-immigrazzjoni.
Mistoqsi jekk Malta hux ippreparata biżżejjed biex tilqa' influss kbir ta' immigranti, il-Prim Ministru saħaq li wieħed irid jistenna li jkun iffurmat Gvern, jinħatar Prim Ministru u anke jara kif se tkun qed tiġi pprattikata l-politika li kienet imwiegħda.
Insista li Malta dejjem kellha relazzjoni tajba mal-gvernijiet Taljani u qal li jħares 'il quddiem biex jiltaqa' mal-Prim Ministru l-ġdid Taljan.
L-indikazzjonijiet huma li ż-żewġ partiti, li fl-elezzjoni ġabu l-akbar ammont ta' voti, imma mhux biżżejjed siġġijiet biex jiggvernaw, mistennija jaslu għal ftehim fil-ġranet li ġejjin.
Iż-żewġ mexxejja, Luigi di Maio u Matteo Salvini, qablu li ħadd minnhom ma jkun Prim Ministru iżda minflok jintgħażel wieħed li jkollu l-fiduċja taż-żewġ partiti.