Il-Malti għadu jerfa’ u jsorr għal meta jiġi bżonn
59% tal-Maltin jgħidu li f’każ ta’ problemi finanzjarji jaqgħu fuq il-flus li jkunu ġemmgħu
More in Politika
59% tal-Maltin jgħidu li f’każ ta’ problemi finanzjarji jaqgħu fuq il-flus li jkunu ġemmgħu
Jidher li minkejja illi għadda żmien u llum il-moda hija li tonfoq, proporzjon pjuttost kbir tal-popolazzjoni mhux biss għadha ġġemma’ imma tiddependi, parti kbira jew ftit, fuq il-flus li jkunu ġġemmgħu. Fil-fatt ċifri juru illi l-Maltin b’59% huma fost l-aktar popli li jduru għall-flus li jġemmgħu meta jkollhom problemi finanzjarji. Pajjiżi oħrajn li għandhom rata għolja ta’ nies illi jduru fuq il-flus li jkunu ġemmgħu huma l-Iżvezja (71%), l-Olanda (65%) u l-Ġermanja (60%). L-inqas popli illi jduru fuq flus mġemmgħin ġejjin mill-Polonja, l-Ungerija u Ċipru.
Dawn iċ-ċifri joħorġu minn rapport tal-Kummissjoni Ewropea ‘Fairness, inequality and inter-generational mobility’ ippubblikat ix-xahar li għadda. Dawn iċ-ċifri juru wkoll illi l-Maltin huma fost l-aktar poplu fl-UE illi meta jkollhom problemi finanzjarji jduru għall-Gvern u allura għajnuna permezz ta’ benefiċċji. Fil-fatt huma 22% tal-Maltin li apparti affarijiet oħrajn jaqgħu fuq il-benfiċċji f’każ ta’ problemi finanzjarji. Qabel Malta hemm il-Finlandja u d-Danimarka.
Il-fatt li Malta għandha rata għolja ta’ nies li jduru fuq il-flus li jġemmgħu f’każ ta’ problemi jista’ jkun riżultat ta’ diversi fatturi. L-ewwel nett il-kultura ta’ tfaddil li għadha pjuttost popolari kif ukoll, u dan huwa spjegat mill-fatt li ma’ Malta hemm fost l-aktar ekonomiji li sejrin tajjeb bħalissa, żieda fid-dħul globali tal-Maltin u allura aktar tfaddil.
It-tieni sett ta’ ċifri huma ċertifikat, jekk qatt kien hemm bżonnu, ta’ kemm hi vasta s-sistema ta’ benefiċċji soċjali f’pajjiżna.
Intant kemm jaħsbu li huma sinjuri l-ġirien tagħhom il-Maltin? Interessanti kif mill-istess rapport jirriżulta li 83% jaħsbu li l-ġirien tagħhom jinsabu xi mkien fin-nofs, la sinjuri wisq u lanqas fqar wisq. Dan jista’ jkun sinjal tal-fatt illi kollox ma’ kollox, pajjiżna huwa ġeneralment magħmul minn saffi u faxex u differenti ta’ klassi tan-nofs.
L-Islovakkja huwa l-aktar pajjiż illi fih iħossu li l-ġirien u dawk li jgħixu fiż-żona tal-madwar huma l-aktar fqar, b’36%.