Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg ħabbar sbuħija ma’ Omnitude, pjattaforma għal Multi-Enterprise Blockchain Middleware, bil-għan li din it-teknoloġija tiġi implimentata fl-operat tas-servizz tat-trasport pubbliku Malti.
Fi stqarrija, il-Ministeru fakkar li aktar kmieni din is-sena, il-Gvern approva strateġija għall-blockchain li tfisser li Malta hi mill-ewwel pajjiżi fid-dinja li għandha strateġija nazzjonali għat-teknoloġija blockchain.
Blockchain hi teknoloġija li madwar id-dinja hi kkunsidrata bħala l-pedament għar-rivoluzzjoni industrijali li jmiss u li toffri effiċjenza u tiffranka l-ispejjeż.
Il-Gvern se jkun qed jaħdem ma’ Omnitude biex jiżviluppa titjib ġenerali fl-affidabilità tas-servizz tat-trasport.
Omnitude kienet riċentament imħabbra bħala msieħba teknoloġika fil-Formula 1 bi sħubija ma’ Williams Martini Racing għal analiżi tal-benefiċċji li l-blockchain jista’ joħloq għal proġetti avvanzati tal-inġinerija – l-ewwel użu tal-blockchain fil-Formula 1.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru saħaq li t-teknoloġija blockchain hi parti essenzjali mill-istrateġija globali għat-teknoloġija nazzjonali tagħna li se twassal għat-trasformazzjoni ta’ setturi differenti.