Imut Joe Cassar, eks ambaxxatur Malti fil-Libja

Cassar kien attiv ukoll fil-Partit Nazzjonalista 

L-eks ambaxxatur Malti għal-Libja, Joe Cassar miet kmieni dalgħodu, fl-età ta’ 70 sena.

Cassar kien ambaxxatur għal-Libja bejn l-2005 u l-2009 u kiteb ktieb dwar ir-rivoluzzjoni Libjana minn perspettiva Maltija.

Huwa kien miżżewweġ lil Tanja Ferrante Darbois u kellhom żewġt itfal.

Joe Cassar kien gradwat mir-Royal University of Malta u mill-Universita Cattolica del Sacro Cuore ta’ Milan. Kiseb id-Dottorat fix-xjenza politika u speċjalizza fil-politika internazzjonali.

Cassar kien attiv ukoll fil-Partit Nazzjonalista.

Wara l-elezzjoni tal-1987 huwa kien ingħata diversi karigi fi ħdan il-partit, fosthom serva bħala President tal-Kunsill Amministrattiv.

Fl-1988 huwa kien elett fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Kien ukoll ambaxxatur għall-Albanija, l-Italja, il-Federazzjoni Russa, apparti l-Libja.

Qabel dawn il-ħatriet, kien wieħed mill-konsulenti ta’ Guido de Marco fi żmien li kien Ministru għall-Affarijiet Barranin.

More in Politika