84% tal-irġiel u 52% tan-nisa Maltin jaraw il-pornografija
Sesswologu jappella għall-introduzzjoni tal-litteriżmu pornografiku fl-iskejjel Maltin
minn Liam Carter
L-avvanz teknoloġiku tal-aħħar għoxrin sena, b’mod speċjali l-internet, ċertament li biddel mhux ftit il-ħajja tagħna. Mill-mod ta’ kif nikkomunikaw sal-mod kif inħallsu l-kontijiet. Allura mhux għaġeb li anke l-aċċess u l-popolarità għall-pornografija nbidel.
Għalkemm il-pornografija mhix xi innovazzjoni ġdida ta’ dan is-seklu, l-innovazzjoni teknoloġika fasslet qafas li jiffaċilita l-aċċess għal dan il-materjal. Ma għadx hemm bżonn abbonament ma’ revisti pornografiċi, jew xi ħarba għand tal-films biex tikri filmat jew saħansitra li titla’ fuq il-bejt fis-satra tal-lejl idawwar ir-rotator. Fid-dawl ta’ dan kollu din il-gazzetta tkellmet ma’ Dr Nicholas Briffa Psikologu u Sesswologu li reċentement ħadem fuq studju lokali li tratta r-relazzjoni tal-Maltin mal-pornografija.
Skont l-istudju ta’ Briffa, li kien ibbażat fuq nies Maltin ta’ bejn it-18-il sena u l-40 sena, 84% tal-irġiel Maltin qalu li jaraw il-pornografija. Min-naħa l-oħra 54% tan-nisa li qalu li jaraw il-pornografija. Il-maġġoranza tal-parteċipanti f’dan l-istudju qalu li huma tal-fehma li l-pornografija tista’ ttejjeb ir-relazzjonijiet sesswali fost l-adulti.
F’kummenti li ta lill-gazzetta ILLUM fuq dan kollu Briffa stqarr li “huwa ċar li ħafna rġiel qed jagħmlu użu mill-pornografija. Apparti minn hekk, għalkemm 52% tan-nisa qalu li huma jaraw il-pornografija, naħseb li kieku s-suq tal-pornografija jirrifletti aktar l-preferenzi tan-nisa, din ir-rata tkun akbar. Ir-rata ogħla tal-irġiel hi minħabba l-fatt li hemm aktar materjal li jappella għalihom,” saħaq is-sesswologu.
L-istudju li ħejja Briffa li hu wkoll membru elett tal-Kumitat eżekuttiv tal-‘European Federation of Sexology’ ġie ppreżentat il-ġimgħa l-oħra fl-14-il edizzjoni tal-Kungress tal-Federazzjoni tas-Sessoloġija, fil-Portugall. L-istudju kien jinkludi diversi sezzjonijiet ta’ gruppi tematiċi.
Minkejja r-rata għolja ta’ Maltin li qalu jaraw il-pornografija, 42% tal-irġiel u 49% tan-nisa qablu li l-produzzjoni ta’ pornografija hi degredanti għan-nisa li jaħdmu fis-settur. Fuq din il-kontradizzjoni, Briffa flimkien mal-kollegi tiegħu Davide Pappalardo u Kate Dawson jaħseb li din hi minħabba l-fatt li l-pornografija hu qasam wiesgħa.
Fuq din Briffa qal li “hemm varjetà ta’ tipi ta' pornografija, xi wħud huma pjuttost estremi u pjuttost degradanti għan-nisa u l-irġiel, però hemm materjal iktar rispettuż”, sostna Briffa.
Il-pornografija kif qed taffetwna?
Skont is-sesswologu, “porzjon konsiderevoli ta’ dawk li jagħmlu użu mill-pornografija b’mod regolari jagħmlu dan bl-għan li jiksbu informazzjoni dwar is-sess, fost raġunijiet oħra. Minħabba dan il-fatt, meta l-istess individwi jiġu biex jagħmlu s-sess mas-sieħeb jew sieħba tagħhom jistennew riżultat simili għal dak li kienu raw huma. Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li l-pornografija mhix realtà u għalhekk tagħti stampa mpċapjra tas-sess għaliex tinkludi fiha biss il-pjaċir sesswali,” spjega Briffa.
L-istudju sab ukoll li, 4% tal-irġiel Maltin u 1% tan-nisa Maltin ibatu mill-problema ta’ vizzju tal-pornografija. Intant dawk li qalu li ma jarawx pornografija, ġeneralment kienu akbar fl-età jew inkella jħaddnu twemmin reliġjuż.
Litteriżmu pornografiku?
Mal-gazzetta ILLUM, Briffa aċċena wkoll għall-proposta li hu flimkien mal-kollegi tiegħu jaħsbu li tista’ tkun ta’ potenzjal fl-edukazzjoni sesswali tas-soċjetà. “Naħseb li wassal iż-żmien, li l-edukazzjoni sesswali tibda tinkludi wkoll il-litteriżmu pornografiku.” B’xorti tajba għandna diversi għalliema tal-PSCD li jagħmlu biċċa xogħol tajba fit-tħarriġ tal-edukazzjoni sesswali. Minkejja dan jeħtieġ li nkomplu nibnu, filata oħra li tinkludi fiha l-pornografija,” saħaq Briffa. Hu kompla jispjega kif, “skont studju li għamlet il-kollega tiegħi Kate Dawson fl-Irlanda, bħala medja l-irġiel jibdew jaraw l-ewwel filmati pornografiċi bejn l-etajiet ta’ 10 u 13-il sena, u għalhekk din hi realtà.”
Mal-ILLUM, is-sesswologu kompla jispjega l-kunċett ta’ litteriżmu pornografiku, “din ma tfissirx li waqt xi lezzjoni tal-edukazzjoni sesswali nuru l-pornografija però, noħolqu programm edukattiv li jkun jinkludi fih tagħlim dwar il-pornografija li tinkludi fatturi psikoloġiċi bħall-mistħija. Hi komuni li l-mistħija ta’ xi ħadd għax jara l-pornografija ġġib magħha ċertu ansjetà li terġa' u tgħid tista tqanqal lill persuna biex tara aktar pornografija biex tnaqqas din l-istess ansjetà. Jeħtieġ li nitkellmu rigward il-pornografija b’mod apert,” sostna Briffa.
Minkejja dan, is-sesswologu kien ċar fi kliema, “li tiddiskuti u tinormalizza l-affari, ma jfissirx li tagħmel tajjeb, jew li tħeġġeġ biex in-nies jagħmlu użu mill-pornografija, iżda jeħtieġ li nammettu li din hi realtà u għandna bżonn spazji ta’ diskussjoni fejn noħolqu djalogu biex niddiskutu l-ħames punti ewlenin li l-pornografija taffettwa s-soċjetà, ir-rwol tas-sess fil-ħajja tagħna, l-immaġni tal-ġisem, il-funzjoni sesswali psikofiżjoliġika (edukazzjoni dwar il-pjaċir sesswali, il-fantażija sesswali u ċ-ċiklu tar-risposta sesswali -orġażmu) u fl-aħħar nett il-prattika ta’ sess protett li ħafna mid-drabi ma tkunx inkluża fil-pornografija,” spjega Briffa. Apparti minn hekk hu sostna wkoll li dan il-litteriżmu għandu mhux biss ikun offrut liż-żgħażagħ iżda wkoll lill-adulti. Apparti minn dan, Briffa emfassiza wkoll l-importanza li l-Gvern jikkrea programmi edukattivi għall-ġenituri, biex jkunu huma l-eduktauri primarji fejn tidħol is-sesswalita, “ir-riċerka turi li kieku ż-żgħażagħ kellhom l-opporunita kienu jiprefferu jitgħallmu l-edukazzjoni sesswali minn għand il-ġenituri tagħhom,” temm jgħid Briffa.
Skont l-aħħar informazzjoni maħruġa minn Pornhub is-sit ewlieni fid-dinja tal-pornografija:
- Il-proporzjon tal-viżitaturi nisa fil-website f’Malta kien ta' 33%, 7% ogħla mill-medja globali.
- Skont l-istess informazzjoni, Malta kklassifikat fis-96 post tal-aktar pajjiżi li jidħlu fil-website.
- L-aktar affarijiet li ġew imfittxija fuq il-website kienu, ‘Malta’ segwita minn milf, giantess u vore (xewqa erotika li tiġi kkunsmata minn, jew li tikkonsma persuna jew kreatura oħra.)
- Il-ħin medju għal kull żjara fis-sit tul is-sena 2016 kien 8 minuti u 38 sekonda, kważi minuta inqas mill-medja globali ta’ 9 minuti u 36 sekonda.