Il-fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta' Facebook, Mark Zuckerberg se jkun qed jiltaqa' mal-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani u mar-rappreżentanti tal-partiti politiċi li jiffurmaw l-istess Parlament.
Kien l-istess Tajani li stieden lil Zuckerberg biex jiltaqa' mal-Parlament Ewropew wara dak magħruf bħala l-iskandlu ta' Cambridge Analytica.
Bażikament, Cambridge Analytica kienet imqabbda mit-tim tal-kampanja elettorali ta’ Donald Trump u kellha aċċess għal madwar 50 miljun persuna li għandha kont fuq Facebook.
B’hekk il-kampanja ta’ Trump setgħet tkun taf aħjar dwar dan il-grupp enormi ta’ nies bħal; fejn iħobbu jmorru, fuq xiex għamlu ‘like’ u aktar. Dan biex b’hekk ir-riklamar politiku seta’ jkun aktar partikolari għal grupp ta’ nies u allura aktar effettiv.
Kien f'dan id-dawl li qamet kontroversja sħiħa dwar il-privatezza fuq Facebook, u li minħabba f'hekk l-istess Zuckerberg kien qatta' sigħat iwieġeb mistoqsijiet tas-Senat Amerikan.
Fost oħrajn, din il-kumpanija kienet akkużata li użat ħażin id-data ta’ 2.7 miljun ċittadin Ewropew. Skont ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea, kienet intużat ukoll l-informazzjoni personali ta' 6,000 Malti li juża Facebook.
Għal bidu, din il-laqgħa tal-lum kellha ssir fil-privat iżda ħafna kkritikaw din id-deċiżjoni tant li issa se tkun qed tixxandar live.
Aktar kmieni din il-ġimgħa daħlet fis-seħħ l-Att tal-Unjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Data Ġenerali li joffri aktar protezzjoni lill-konsumatur.