'Ma nistgħux nibqgħu niżviluppaw fuq art verġni mingħajr pjan. In-nies jixirqilhom li jgħixu f'ambjent nadif u aktar ħadrani.', hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta ltaqa' ma' delegazzjoni tal-GRTU mmexxija mill-President Paul Abela. Matul din il-laqgħa ġew diskussa r-reviżjoni tal-policies dwar il-pompi tal-petrol.
Delia qal li jeħtieġ li jitfasslu policies li jinkludu r-realtajiet tal-pajjiż u tas-soċjetà. Dan għaliex il-Gvern l-ewwel jrid jaqdi lil ftit qabel issir ir-reviżjoni tal-policies. "Minflok in-nies jixirqilhom li l-ewwel nippjanaw fit-tul imbagħad jinbidlu l-policies."
Adrian Delia qal li pjan fit-tul għandu jinkludi studju fejn jiġi stabbilit l-ammont ta' pompi tal-petrol li l-pajjiż għandu bżonn.
Il-President tal-GRTU Paul Abela spjega kif pompa tal-petrol tista' tiċċaqlaq miċ-ċentru tal-lokalitajiet għal postijiet 'il barra. Huwa qal li meta jsir ċaqliq tal-pompi tal-petrol dan għandu jsir bi pjan, għaliex meta jingħataw permessi għal żvilupp akbar dan ibiddel il-kunċett ta' pompa tal-petrol. Paul Abela qal li jeħtieġ isir pjan fit-tul dwar l-ammont tal-pompi tal-petrol li hawn bżonn f'Malta speċjalment jekk maż-żmien se jiżdiedu l-vetturi li jagħmlu użu minn sorsi ta' fuel alternattivi għall-petrol u d-diesel.
"Il-Partit Nazzjonalista huwa favur li ssir reviżjoni tal-policies dwar il-pompi tal-petrol li ma jagħtux lok għal abbuż u tinqered art 'il barra mill-iżvilupp meta ssir rilokazzjoni jew il-bini ta' pompi ġodda. Il-Partit Nazzjonalista huwa favur ukoll ir-rilokazzjoni ta' pompi tal-petrol miċ-ċentru tal-lokalitajiet, li qed jikkawżaw inkonvenjent lin-nies," qal Delia.