Il-PD jgħid li l-bini tat-toroq se jżid in-numru ta' karozzi

Il-Partit Demokratiku qal li l-bini tal-pompi tal-petrol u proġetti oħra mhux qed jgħinu biex tingħeleb il-kultura tal-użu tal-karozzi

Il-Partit Demokratiku saħaq li l-bini ta’ aktar toroq se jkun qed iżid in-numru ta’ vetturi u t-tiswijiet tat-toroq, għalkemm neċessarju, qed iqiegħdu fuq quddiem l-użu tal-karozzi fuq mezzi oħra ta’ trasport.

Fi stqarrija, il-Partit Demokrariku saħaq li l-bini tal-pompi tal-petrol u proġetti oħra proposti f’żoni bħal Paceville huma “pass ieħor żbaljat f’din il-kultura.”

B’kuntrast ma’ dan, il-Partit Demokratiku qed jinsisti li t-trasport pubbliku u modi oħra kkunsidrati ekoloġikament tajbin mhux qed jingħataw prijoratizzati.

“It-toroq qed jitwessgħu a skapitu tal-bankini bl-idea li b’hekk titnaqqas il-konġestjoni. Dan isarraf biss f’detriment għal metodi ta’ mobilità personali aktar ekoloġiċi bħall-użu ta’ muturi, roti, scooters, jew mixi,” saħaq il-Partit Demokratiku.

Fid-dawl ta’ dan, il-PD saħaq li l-prinċipji ewlenin tiegħu dwar it-traffiku huma:

  • It-tnaqqis tal-karozzi fit-toroq u bini ta’ infrastruttura ekoloġika fl-ibliet  u l-irħula li tinkludi ż-żoni fejn tista' timxi bir-riġel biss.
  • Titjib fis-sistema ta’ trasport pubbliku biex titnaqqas il-konġestjoni, b’hekk ikun hemm aktar spazju għat-trasport pubbliku biex jopera b’mod effiċjenti.
  • Iffukar fuq mobilità personali li tinkoraġġixxi lin-nies jużaw modi aktar sani biex jivvjaġġaw f’ambjent li hu aktar nadif.

Temm jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin, il-PD se jkun qed jaħdem fuq serje ta’ proposti kemm għal soluzzjonijiet għalissa u oħrajn għall-futur.

Fuq kollox insista li jrid ibiddel il-kultura dwar l-użu tal-karozza għal kultura aktar effiċjenti u sana.

More in Politika