Isem Giuseppe Conte ma jidher imkien fl-Università ta’ Malta

Conte qed ikun imbuttat mill-Movimento Cinque Stella u l-Lega biex ikun il-Prim Ministru ġdid Taljan

L-Università ta’ Malta ma għandha l-ebda dokumentazzjoni li turi li Giuseppe Conte, li qed ikun imbuttat għal Prim Ministru Taljan, kien jgħallem f’Malta.

Il-kredenzjali akkademiċi ta’ Conte tpoġġew f’dubju ġurnata biss wara li l-Movimento Cinque Stella u l-Lega ressqu ismu quddiem il-President Taljan Sergio Mattarella.

In-New York Times ikkwotat kelliem għall-Università ta’ New York li qal li isem Conte ma deher fl-ebda dokument tal-istituzzjoni, la bħala student u lanqas bħala membru ta’ xi fakultà.

Ma’ ġurnal lokali, kelliem għall-Università ta’ Malta qal li lanqas f’din l-istituzzjoni, isem Conte ma jidher imkien.

Minkejja dan qal li ma jeskludix il-possibbilità li Conte kien għallem kors qasir fis-sajf tal-1997 fil-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali li llum ma għadhiex teżisti.

Di Maio u Matteo Salvini, il-mexxejja tal-aktar żewġ partiti li ġabu voti fl-elezzjoni tal-4 ta’ Marzu li għadda ppreżentaw isem Conte wara li qablu bejniethom li jiffurmaw Gvern Taljan iżda li ħadd minnhom ma jkun Prim Ministru.

Intant, il-President Mattarella ma qabadx u aċċetta isem Conte iżda talab żmien biex jikkonsulta aktar dwar din il-ħatra importanti.

Giuseppe Conte huwa isem ġdid fil-politika Taljana, iżda għandu esperjenza legali u akkademika twila.

More in Politika