'Ommi għadha sal-lum fil-mira ta' persuni b'saħħithom' - Andrew Caruana Galizia
Huwa qal dan waqt ċerimonja li matulha Daphne Caruana Galizia ingħatat il-Premju għall-Kontribut fis-Soċjetà

More in Politika
Huwa qal dan waqt ċerimonja li matulha Daphne Caruana Galizia ingħatat il-Premju għall-Kontribut fis-Soċjetà
Andrew Caruana Galizia qal li l-memorja ta’ ommu għadha sal-lum fil-mira ta’ persuni b'saħħithom u li fi kliemu mhux se jistrieħu qabel ma “jeqirdu” għal kollox il-legat tagħha.
Huwa qal dan quddiem il-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, waqt iċ-ċerimonja tal-European Leadership Awards li matulha Daphne Caruana Galizia ngħatat il-Premju għall-Kontribut lis-Soċjetà.
Waqt id-diskors tiegħu, Andrew Caruana Galizia qal li seba’ xhur wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia s-sitwazzjoni f’Malta spiċċat ħafna aktar tal-biża’, l-istess kif inhi f’partijiet oħra fl-Ewropa.
Huwa ddeskriva l-qtil ta’ ommu bħala “diżastru għal-libertà tal-espressjoni f’Malta u għall-Ewropa."
Fakkar, li wara l-qtil ta’ ommu, inqatel ukoll il-ġurnalist investigattiv, Jan Kuciak fl-Islovakkja, Paolo Borrometti ħelisha ħafif fi Sqallija u l-ġurnalista investigattiva fil-Montenegro, Olivera Lakic, intlaqtet minn tir f’saqajha.
Kompla jgħid li wara l-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, politiċi, uffiċjali pubbliċi, pulizija u persuni li qatt ma qraw xejn milli kitbet, huma kuntenti li nqatlet u l-mod kif inqatlet.
“Uħud minn dawk li kienu responsabbli mill-protezzjoni ta’ ommi u li issa huma responsabbli biex jassiguraw li ssir ġustizzja, huma kuntenti li ma tistax tikteb aktar dwar prattiċi korrotti,” saħaq Andrew.
Qal ukoll li issa li hi mejta u ma tistax tiddefendi ruħha, nies fil-Gvern baqgħu jgħawġu l-fatti tal-blog tagħha u jsejħulha ‘hate blogger,’ ‘traditura’ u ‘saħħara.’
“Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżi ddeskriva l-qtil ta’ ommi bħala ‘unlucky,’ il-Ministru għall-Finanzi ddeskriva r-reazzjoni internazzjonali għall-mewt tagħha bħala ‘esaġerata,’ u l-Prim Ministru, xahrejn wara l-funeral, qal li issa rridu nimxu ‘l quddiem.”
Kien hawn li fakkar ukoll kif għal disa’ darbiet il-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia tneħħa u tneħħew ukoll strixxuni li tpoġġew biex iżommu ħajjal-memorja tagħha.
Temm jgħid li se jkun qed jilqa’ dan il-premju f’isem ħafna persuni li qed jonoraw il-memorja tagħha u qal li din ukoll hija forma ta’ ġustizzja, mhux kriminali, iżda waħda li tirrikonoxxi l-kontribut ta’ Daphne Caruana Galizia.