L-agħar ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ jew kulħadd jinsieh żmienu?
Jgħidu li ż-żgħażagħ tal-lum m’hawnx agħar minnhom, ma jridu jagħmlu xejn u bla rispett lejn kulħadd. Imma veru? Jew kulħadd jinsa x’għamel meta kien iżgħar.
minn Liam Carter
Għadu frisk l-inċident li fih weġġa' Simon Schembri, waqt li kien qed jaqdi dmiru, wara li safa mtajjar u attakat minn ġuvni ta’ 17-il sena li kien qed isuq illegalment. Ftit jiem wara l-attakk barbaru, tliet żgħażagħ inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati b’użu ħażin tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, wara li kitbu kummenti fuq Facebook jappoġġjaw l-aġir taż-żagħżugħ.
L-amalgamazzjoni ta’ dawn l-atti ħolqu għagħa kbir fis-soċjetà Maltija. Kienu ħafna dawk li esprimew it-tħassib tagħhom mhux biss fuq dawn l-atti kriminali iżda wkoll fuq in-nuqqas ta’ dixxiplina u rispett tal-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum, b’ħafna jkunu dawk li jiddikjaraw li “din hi l-agħar ġenerazzjoni.”
Però din verament hi l-agħar ġenerazzjoni żagħżugħa jew kulħadd jinsa żmienu? Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi nies fuq dan is-suġġett bl-għan li tipprova tirrispondi din il-mistoqsija li qiegħda fuq fomm ħafna.
“Dak li ġara ħmistax ilu huwa każ minn ftit inkomparabbli mas-sens qawwi soċjali li naraw f'eluf ta' żgħażagħ”
Fost in-nies li tkellmu mal-ILLUM, insibu lil Andrew Azzopardi, Professur u Dekan fl-Università ta’ Malta. Skontu din mhix kwistjoni ta’ żgħażagħ li jirrispettaw anqas l-awtorità imma “linja ta’ ħsieb u mġiba differenti, ferm aktar emanċipata.”
“Naħseb in-normi soċjali jinbidlu maż-żmien,” sostna Azzopardi. “X’inhu aċċettabbli llum mhux neċessarjament kien aċċettabbli qabel. Apparti hekk, iż-żgħażagħ dejjem kienu kkunsidrati bħala r-ribellużi, li ma jaqblu qatt u ma’ ħadd, anke għax m’għandhomx inibizzjonijiet u rbit.”
Skontu, “l-awtorijiet iridu jirbħu l-fiduċja taż-żgħażagħ, li naħseb mhux issir biżżejjed. Il-lingwaġġ inbidel u rridu nfehmu aktar milli nordnaw, irridu ninnegozjaw aktar milli nimponu, irridu nfehmu aktar milli niddettaw. “
Azzopardi kompla jgħid kif hu “huwa inkwetanti li meta jinqala’ xi ħaġa bħall-każ tal-ġimgħa l-oħra nagħtu x’tifhem li t-tort huwa li ż-żgħażagħ huma kollha hekk. Dan joħloq paniku morali.”
Il-professur saħaq li, “iż-żgħażagħ fil-maġġoranza assoluta tagħhom, jirsistu, jistudjaw, jipprattikaw l-isport, jivvjaġġaw, jagħmlu l-volontarjat, jinvolvu ruħhom fis-soċjetà, kultant ikunu ftit imqarbin imma ma jfissirx li qegħdin hemm qishom biex jiddistabilizzaw s-soċjetà,” temm jgħid Azzopardi.
“Xejn mill-affarijiet li qed isiru miż-żgħażagħ tal-lum mhuma qed isiru għall-ewwel darba”
L-ILLUM tkellmet ukoll mal-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) Michael R. Piccinino li hu tal-opinjoni li ż-żgħażagħ tal-lum mhumiex anqas iddixxiplinanti jew għandhom inqas rispett lejn l-awtoritajiet.
“Illum il-ġurnata bir-riżorsi u l-midja li hemm għad-dispożizzjoni tas-soċjetà, kull ħaġa li tiġri jsir jaf biha kulħadd iktar malajr. Però fil-verità, xejn mill-affarijiet li qed isiru miż-żgħażagħ tal-lum mhuma qed isiru għall-ewwel darba,” sostna Piccinino.
Hu kompla jgħid kif “bħala umani aħna dejjem naraw ikrah dak li hu differenti minna. Dan narawh f'diversi aspetti. Dan jidher ukoll bejn meta ġenerazzjoni tħares lejn oħra. Matul is-snin, nemmen li kull ġenerazzjoni tħares lura lejn kif kienet tagħmel l-affarijiet hi, tħoss li kienet tagħmel l-affarijiet sew u għalhekk tara mġiba tal-preżent bħala ħażina,” saħaq Piccinino.
“Dixxiplina msejsa fuq il-biża’ ma twassalx biex it-tfal jitilgħu persuni responsabbli”
Mal-ILLUM tkellmet ukoll il-Kummissarju għat-Tfal, Pauline Miceli. Skontha li “nbidel bejn ġenerazzjoni żagħżugħa u oħra huma ċ-ċirkustanzi u l-ambjent familjari u soċjali li jagħmel il-ħajja differenti minn kif trabbew ġenerazzjonijiet oħra.”
“Iż-żgħażagħ fl-imgħoddi, issa u fil-ġejjieni dejjem se jibqgħu dawk li kapaċi jesponu ruħhom għal bosta perikli u jirribellaw kontra l-awtorità,” qalet Miceli.
Żiedet tgħid li, “illum it-tfal u ż-żgħażagħ huma esposti għal dak kollu li jkun qed jiġri madwar id-dinja, divertiment differenti, l-internet li għamel kollox immedjat, il-films u l-logħob interattiv. Kultant dan jagħmilha diffiċli biex xi wħud jiddistingwu bejn id-dinja reali u dak li huwa aċċettat u d-dinja virtwali fejn il-karattri jista’ jkollhom ħafna ħajjiet u fejn il-vjolenza hija prevalenti bħala l-mod ta’ kif isolvi l-problemi tiegħu.
Skont Miceli “dan qed jagħmel il-ħajja taż-żgħażagħ u l-ġenituri u persuni f’pożizzjoni ta’ awtorità, iktar diffiċli,” spjegat il-Kummissarju tat-Tfal.
Miceli aċċennat ukoll għall-kwistjoni ta’ dixxiplina, “jekk b’dixxiplina nifhmu li t-tfal għandhom akkost ta’ kollox joqogħdu għar-rieda tal-kbar, speċjalment ta’ dawk li għandhom awtorità fuqhom, inkunu qed niżbaljaw.”
Filwaqt li żiedet tgħid li “d-dixxiplina msejsa fuq il-biża’ kif kienet fl-imgħoddi ma twassalx biex it-tfal jitilgħu persuni responsabbli u ddixiplinati u adulti li jkunu kapaċi jikkontrollaw lilhom infushom. Din id-dixxiplina forsi tagħti ftit riżultati immedjati. Hija waħda li tibqa’ superfiċjali u tħalli lit-tfal nieqsa mill-ħiliet neċessarji biex jikkontrollaw l-impulsività tagħhom jew jikkontrollaw ir-rabja.”
Meta l-kumpass morali ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin jikkrollaw ikollok periklu.
L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Albert Bell lettur fl-Università ta’ Malta. Skontu “dawn il-battibekki bejn ġenerazzjonijiet dejjem kienu hemm. Minn dejjem il-ġenerazzjoni l-antika tħares lejn dik ġdida b’aktar suspett." Minkejja dan, Bell stqarr li m’hemmx dubju li każ bħal dan jirrifletti nuqqas ta’ dixxiplina lejn l-awtoritajiet.
Apparti minn hekk, Bell sostna li “dawn il-każijiet jirriflettu wkoll il-kollass gradwali tal-istutizzjonijiet tas-soċjetà fosthom il-familja u r-reliġjon li joffru kumpass morali u boxla soċjali. Iktar kemm jgħaddi żmien iktar qed ninqatgħu mill-għeruq soċjali u l-identità tagħna u minflok jinbet sens ta’ anonimata soċjali li jiskatta l-impulsi. Xi ħaġa li naraw ukoll f’ħafna mill-imġiba kriminali."