Wara l-isplużjoni f’kamra tan-nar fis-Salini u l-mewt ta’ Colin Muscat, l-Alternattiva Demokratika akkużat lill-Gvern u anke lill-Oppożizzjoni li qed jibku biki tal-kukkudrilli.
Fi stqarrija, l-Alternattiva Demokratika saħaq li kemm il-Ministru Michael Farrugia u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni, Kristy Debono, flimkien mal-Parlament kollu, ivvutaw “ta’ malajr emendi fil-liġi li tagħmilha possibbli li l-kmamar tan-nar ikunu aktar viċin in-nies.”
L-Alternattiva fakkret li l-Qorti tal-Appell kienet ħassret il-permezz ta’ kamra tan-nar fiż-Żebbiegħ, għax kienet viċin triq.
“Sfortunatament din id-deciżjoni tal-Qorti ġiet newtralizzata, għax il-Parlament Malti, bi qbil unanimu, emenda l-ligi biex jagħti lill-Kummissarju tal-Pulizija l-awtorità li jkun jista’ joħroġ il-permess għall-kamra tan-nar xorta waħda,” saħaq iċ-Ċerpersin Carmel Cacopardo.
Kien hawn li l-Alternattiva saħqet li l-Gvern u l-Oppozizzjoni huma “kompliċi, jibku d-dmugħ tal-kukkudrilli, jippoppaw sidirhom fil-funerali u fl-istess hin ipoġġu n-nies fil-periklu bin-nuqqas t'azzjoni tagħhom."
Aqra wkoll: