Malti għall-barranin | 'Aktar konfużjoni fl-iskejjel'
Għaqdiet tal-Malti b'għadd ta' mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija
minn Yendrick Cioffi
Numru ta’ għaqdiet tal-Malti ngħaqdu flimkien jistaqsu lill-Ministeru tal-Edukazzjoni għadd ta’ mistoqsijiet bil-għan li jiċċaraw id-deċizjoni li jkun introdott kors għat-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija, liema eżami ser ikun ekwivalenti għall-O Level tal-Malti kif nafuh illum.
Dan wara artikli ppubblikati fuq il-gazzetta ILLUM (ara aktar 'l isfel) dwar is-sillabi l-ġodda għat-tagħlim tal-Malti.
Fi stqarrija, dawn l-għaqdiet saħqu li l-Ministeru biddel il-pożizzjoni tiegħu mill-inqas tliet darbiet fuq min hu eliġibbli li jistudja dan is-suġġett u issa ntrabat li s-suġġett tal-Malti bħala lingwa barranija ma jkunux eliġibbli għalih il-Maltin b’ġenituri jew kustodji Maltin.
“Aħna nemmnu li ċ-ċittadini Maltin m’għandhomx jagħmlu eżamijiet tal-MATSEC, la tal-Malti u lanqas tal-Ingliż, bħala lingwa barranija jew bħala t-tieni lingwa,” saħqu l-għaqdiet filwaqt li insistew li la l-Malti għall-barranin u lanqas il-Malti Applikat ma għandu jitpoġġa fuq l-istess livell tal-O Level.
Filwaqt li kkwotaw l-intervista tal-gazzetta ILLUM mas-Segretarju Permanenti tal-istess Ministeru, Frank Fabri, l-għaqdiet saħqu li għandha ssir konsultazzjoni serja biex titneħħa "l-konfużjoni.”
“Din iċ-ċertifikazzjoni tal-Malti bħala lsien barrani trid tkun sistema parallela u separata miċ-ċertifikazzjoni tal-MATSEC, il-bord li jamministra l-eżamijiet nazzjonali,” tkompli l-istqarrija. “Hekk jiġri f’pajjiżi oħra Ewropej u fil-każ tal-EFL f’Malta stess.”
Saħqu li jekk iseħħ dak li qed jipproponu huma, ikun hemm struttura wiesgħa li tagħti l-opportunità li jitgħallmu l-Malti l-barranin kollha, ta’ kull livell u età, u mhux biss l-istudenti tal-iskola.
L-għaqdiet għamlu dawn il-mistoqsijiet:
- X’se jiġri fil-każ ta’ barranin b’ċittadinanza Maltija?
- X’sillabu se jsegwu t-tfal b’ġenitur jew kustodju wieħed barrani, ladarba numru minnhom jafu l-Malti u jużawh fil-ħajja ta’ kuljum?
- X’sillabu se jsegwu t-tfal li twieldu Malta, b’ġenituri jew kustodji barranin, u li ilhom fis-sistema edukattiva Maltija sa mis-snin bikrin? Min ilu Malta għandu jingħata l-opportunità jsegwi s-sillabu tal-Malti Ordinarju li jwassal għaċ-ĊES.
- Minn liema età se jkun offrut it-tagħlim tal-Malti għall-barranin? Kemm se jkollu sigħat fil-ġimgħa? X’taħriġ u x’riżorsi moderni se jingħataw l-għalliema li se jgħallmuh?
- Kif se jkunu akkomodati l-livelli differenti tal-istudenti barranin bi klassijiet differenti, u mhux kulħadd fl-istess grupp jew klassi?
- Kif se taħdem is-sistema meta l-istudenti barranin jidħlu fi skola Maltija f’nofs is-snin tal-Primarja jew is-Sekondarja, jew saħansitra f’nofs is-sena skolastika?
- X’se jiġri f’każ ta’ skejjel primarji fejn m’hemmx wisq barranin? Min se jgħallimhom lil dawn?
- Is-suġġetti li jintgħallmu bil-Malti, bħall-Istudji Soċjali, il-Ġeografija u l-Istorja, li magħhom qed tkun proposta wkoll il-Matematika, kif se jkun aċċertat li jibqgħu jkunu mgħallma u jiġu assessjati bil-Malti, anke meta jkun hemm klassijiet b’maġġoranza ta’ studenti li jafu l-Malti u b’waħdiet li jkunu barranin?
- Min se jieħu deċiżjoni fuq dan kollu, u d-deċiżjonijiet meħuda kif se jkunu konsistenti għas-sitwazzjonijiet tal-iskejjel kollha?
- Kif se jkun aċċertat li d-deċiżjonijiet ma joqogħdux jittieħdu każ b’każ, tant li bl-iskuża tal-“eċċezzjonijiet” nispiċċaw inbaxxu l-livelli?
Temmew jistaqsu jekk hux minnu li qed issir konsultazzjoni u diskussjoni mal-għalliema tal-Primarja u s-Sekondarja, ewlenin fosthom tal-Malti.
Dawn huma l-firmatarji:
- L-Akkademja tal-Malti
- Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università
- Id-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College (UM)
- L-Għaqda tal-Malti – Università
- Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti
- Għaqda Poeti Maltin
- L-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, l-Università ta’ Malta
Aqra wkoll:
- Il-Malti: 'Mhu qed nagħmlu xejn ġdid... Għaliex qed nitkellmu issa?'
- Ir-rotot tal-Malti: ‘Mitt bniedem, mitt fehma”