Issa uffiċjali; Malta l-iktar pajjiż mibni fl-Unjoni Ewropea
Kważi kwart tal-art kollha f’Malta hi mibnija, l-ogħla figura fil-pajjiżi tal-UE
More in Politika
Kważi kwart tal-art kollha f’Malta hi mibnija, l-ogħla figura fil-pajjiżi tal-UE
Sikwit tinħoloq id-diskussjoni dwar iktar spazji miftuħa, ġonna u żoni ħodor speċjalment hekk kif fl-aħħar snin il-ġżira ta’ Malta qed tesperjenza żieda qawwija fil-kostruzzjoni. Ċifri ġodda li ġew ippubblikati din il-ġimgħa mill-Eurostat jikkonfermaw dak li dejjem ħsibna. Jiġifieri li pajjiżna hu nieqes sew mill-ispazji miftuħa għax huwa l-aktar pajjiż mibni fl-Unjoni Ewropae (UE).
L-istħarriġ indaga fuq il-bidliet fl-użu tal-art tal-pajjiżi kollha fl-UE, fi kliem ieħor, iridu jkunu jafu kemm l-art hija koperta minn strutturi magħmula mill-bniedem. Dan l-istħarriġ innota kif Malta huwa l-aktar pajjiż membru tal-UE li fih strutturi magħmula mill-bniedem. B’kollox kważi kwart tal-art kollha ta’ Malta (23.7%) hi mibnija.
Il-gżira ta’ Malta kienet segwita mill-Olanda (12.1%), il-Belġju (11.4%), il-Lussemburgu (9.8%) u l-Ġermanja (7.4%). B'kuntrast, 2% jew inqas mill-art kollha tal-Latvja, il-Finlandja, l-Iżvezja, il-Bulgarija kif ukoll l-Estonja huma mibnija.
L-istudju tal-Eurostat sab li b’kollox 4% tal-art kollha tal-pajjiżi tal-UE hi mibnija. Din tirrapreżenta iktar minn 180,000 kilometru kwadru, kważi darbtejn id-daqs tal-Ungerija u l-Portugall. Meta ttikumpara din l-art mal-popolazzjoni, bejn wieħed u ieħor fl-UE hemm 370 metru kwadru ta’ art mibnija għall-kull abitant.
Intant fuq livell reġjonali Londra u Brussell huma l-aktar żewġ żoni li huma mibnija fl-Ewropa. Fil-fatt, iktar minn nofs iż-żona ta’ Brussell jew 52.5% hi mibnija. Min-naħa l-oħra, żoni differenti ta’ Londra għandhom persentaġġ li jvarja ta’ żona mibnija, bl-aktar żona mibnija tkun il-Lvant ta’ Londra bi 78.9% u l-anqas mibnija tkun il-Majjistral ta’ Londra b’51.9%.
Il-bliet l-oħrajn bl-aktar żoni mibnija huma, Vjenna (42.3%) fl-Awstrija, Manchester (42.1%) fir-Renju Unit, Bremen (38.9%) fil-Ġermanja, ir-reġjuni West Midlands (37.3%) u Merseyside (36.8%) fir-Renju Unit, Berlin (35.2%) fil-Ġermanja u Praga (34.2%) fir-Repubblika Ċeka.
Imma l-Maltin inkwetati jew le dwar il-fatt li kullimkien mibni? Rapport separat li stħarreġ il-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini Maltin u dawk Ewropej jgħixu fihom, European Statistics on Income and Living Conditions Survey (SILC), sab li 26.8% ta’ dawk il-Maltin li wieġbu qalu li t-tniġġiż tal-arja u problemi oħra relatati mal-ambjent kienu inkwetanti ferm għall-kwalità tal-għajxien tagħhom.