Għat-tielet darba Malta se tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa

Malta se tospita mill-ġdid dawn il-Logħob fl-2023 meta dik is-sena se tkun qed issir l-20 edizzjoni 

Għat-tielet darba, fis-sena 2023, Malta se tkun qed tospita l-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.

Dan tħabbar dalgħodu mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, flimkien mal-Kumitat Olimpiku Malti waqt l-Assemblea Ġenerali tal-GSSE fil-Montenegro wara li Malta rebħet il-bid sabiex tkun tista’ tospita dawn il-logħob.

Malta ospitat dawn il-Logħob fl-1993 u fl-2003.

Clifton Grima qal li l-Gvern huwa kommess li jgħin lill-isport Malti jagħmel il-pass li jmiss bil-għan li permezz ta’ pjan strateġiku, immirat lejn investiment qawwi fl-isport Malti, Malta mhux biss tipparteċipa, iżda tikseb riżultati tajbin.

Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa (GSSE) huwa organizzat minn u kkaratterizzat mill-Kumitati Nazzjonali Olimpiċi ta’ tmien pajjiżi żgħar Ewropej mill-1985.

Dawn saru disa’ fl-2009, meta Montenegro ngħaqdu magħhom.

Il-Logħob tipikament isiru fl-aħħar ta’ Mejju jew fil-bidu ta’ Ġunju, u jinvolvu kompetizzjonijiet f’9 jew għaxar kategoriji ta’ sport olimpiku tas-sajf u jkun hemm ukoll sport ieħor, li jista’ jkun sport mhux olimpiku.

More in Politika