'Ħadtu passi kontra min insulta b'mod abbużiv liż-żagħżugħ li tajjar lill-Pulizija?'

Il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest tat-tliet persuni li qed jinżammu fil-ħabs wara kummenti li għaddew fuq Facebook dwar l-inċident ta' Simon Schembri

Il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi dwar talba li saret għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet persuni li ilhom jiem jinżammu fil-ħabs wara kummenti li għaddew fuq Facebook wara l-inċident li ħalla lill-kuntistabbli Simon Schembri jissielet għal ħajtu.

It-tliet żgħażagħ, li għandhom bejn il-21 u t-28 sena, wieġbu mhux ħajta li bil-kummenti tagħhom kienu qed jinċitaw il-kriminalità u anke li għamlu użu ħażin minn mezzi ta’ kommunikazzjoni.

Fi smigħ pjuttost jaħraq, Franco Debono, li qed jidher għal tnejn mill-akkużati staqsa lill-Pulizija dwar il-kummenti negattivi li kien hemm fuq iż-żagħżugħ akkużat b’attentat ta’ omiċidju u jekk il-pulizija ħassitx li kellha tieħu passi kontra min kitibhom.

Dan wara li fil-Qorti ntqal kif il-familja tal-vittma kienu qalu lill-avukat tagħhom biex jitlob lill-pulizija biex jieħdu passi kontra dawk kollha li għamlu kummenti simili għal dawk taż-żgħażagħ akkużati.

L-Ispettur Joseph Busuttil u John Spiteri qalu lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li l-pulizija rċeviet numru ta’ rapporti dwar il-konverżazzjoni li kienet  għaddejja bejn it-tliet akkużati.

Debono talab li l-Pulizija biex jgħidu minn għamel ir-rapport iżda l-Ispetturi qalu li ma kellhomx l-informazzjoni u li kienu se jgħadduha fis-smigħ li jmiss.

Kien hawn li Debono staqsa dwar il-kummenti li nkitbu kontra ż-żagħżugħ ta' 17-il sena, bil-prosekuzzjoni tgħid li ma kinitx infurmata dwar kummenti simili u ħadd ma talabhom biex tittieħed azzjoni.

“Jekk ikun hemm informazzjoni se nieħdu passi wkoll,” qal Spiteri waqt li talab lil Debono biex jgħaddi l-informazzjoni. “Nassigurak li ma hemmx spazju biżżejjed fil-ħabs għall-persuni kollha,” kompla jwieġbu.

Id-deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest x’aktarx li se tittieħed għada.

More in Politika