Il-membri tal-band lokali Cryptic Street sfaw misruqa mill-apparat mużikali tagħhom meta xi ħadd daħal u kines il-garaxx fejn jitħarġu.
Il-garaxx huwa parti minn kumpless akbar li jintuża minn ħafna artisti lokali għat-taħriġ tagħhom.
Meta kienu qed jitkellmu mal-MaltaToday, it-tfajliet li jiffurmaw din il-band qalu li ma għandhomx dubju li xi ħadd kien qed isegwi l-passi tagħhom u rnexxielu jwettaw is-serqa meta kellu l-ewwel ċans.
Bejn wieħed u ieħor, insteraq apparat li jammonta għal aktar minn €6,000, fosthom id-drumkit sħiħ.
Jidher li l-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda.
Kien sid il-garaxx li ċempel lit-tfajliet biex jgħidilhom li l-garaxx kien miftuħ u vojt u staqsihom jekk ħarġux mill-post mingħajr ma infurmawh.
Strumenti oħra u anke materjal tal-band kienu jinsabu fid-djar tagħhom.
Fil-kummenti tagħhom it-tfajliet qalu li s-serqa ma setgħetx saret fi żmien aktar diffiċli, mhux biss minħabba l-proġetti tagħhom iżda anke għax tnejn minnhom għandhom l-eżamijiet.
Il-Pulizija għadha qed tinvestiga dan il-każ.