Marlene Mizzi: 'L-użu tal-flus tal-UE għall-ġlied tal-barri għandu jitwaqqaf'

'Huwa inaċċettabbli li l-flus tal-UE jintużaw għal attività tal-mistħija bħal din, li tirredikola u tweġġa’ annimali li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom'

Il-ġlied tal-barrin, kontroversjali minħabba l-moħqrija fuq il-barri
Il-ġlied tal-barrin, kontroversjali minħabba l-moħqrija fuq il-barri

Fis-sessjoni tal-plenarja fi Strasburgu, l-MPE Marlene Mizzi vvotat biex jintemm l-użu tal-flus tal-UE għat-trobbija tal-barrin għall-ġlied tal-barri. Marlene Mizzi, flimkien ma’ MEPs oħrajn, ħeġġet lill-Kummissjoni biex tagħmel l-arranġamenti meħtieġa fil-Politika Agrikola Komuni (CAP) tal-UE bl-għan biex ma jintużawx sussidji agrikoli għat-trobbija tal-barrin għall-ġlied tal-barri. L-emenda fuq din il-kwistjoni ġiet addottata minn maġġoranza tajba.

“Huwa inaċċettabbli li l-flus tal-UE jintużaw għal attività tal-mistħija bħal din, li tirredikola u tweġġa’ annimali li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom,” qalet Mizzi. “L-UE m’għandhiex tuża l-flus tat-taxpayers, permezz tal-fondi tal-Politika Agrikola Komuni, biex tissussidja l-bdiewa Spanjoli li jrabbu l-barrin għall-ġlied tal-barri – attività li ħafna ċittadini jqisuha bħal kiefra u barbarika. Sodisfatta li l-maġġoranza tal-MEPs opponiet l-użu ta’ fondi pubbliċi b’dan il-mod,” ikkummentat Marlene Mizzi ftit wara l-vot. L-MPE Mizzi hija wkoll il-Viċi-President tal-Intergroup on Animal Welfare, grupp li kemm-il darba oġġezzjoni kontra l-użu ta’ fondi għat-trobbija ta’ barrin għall-ġlied tal-barri permezz tal-fondi tal-Politika Agrikola Komuni.

Il-proposta li sar il-vot dwarha nhar l-Erbgħa, 30 ta’ Mejju, fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, kienet parti minn rapport dwar il-Futur tal-Ikel u l-Biedja. “L-ikel u l-biedja jħallu impatt ċar fuq l-annimali u fuq kif jiġu ttrattati. Ir-riforma dwar il-Politika Agrikola Komuni hija opportunità mill-aqwa biex nippromwovu standards aħjar għall-benessere tal-annimali fis-setturi tal-ikel u l-biedja. Dan ir-rapport huwa titjib pożittiv u rikonoxximent importanti tal-importanza tal-annimali u l-animal welfare fl-Ewropa.”

Mizzi qalet li xi stati membri tal-UE jużaw is-sussidji tal-UE biex jappoġġjaw irziezet li jrabbu l-barrin li jintużaw fil-ġlied tal-barri u li l-industrija tal-bullfighting tibbenefika minn miljuni ta’ ewros fis-sena permezz tal-Politika Agrikola Komuni.

“Il-Kummissjoni Ewropea għandha ssegwi mill-qrib dawk l-istati membri li ma jħarsux id-dispożizzjonijiet għall-benessere tal-annimali fil-liġi Ewropea biex l-annimali ma jbatux minn uġigħ, ħsara, biża’ jew skomfort. Irridu niżviluppaw leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għall-ispeċi biex ikunu protetti l-annimali kollha li jinżammu għall-biedja u għall-ikel,” qalet Marlene Mizzi.

More in Politika