Il-M5s u l-Lega jirnexxielhom jiffurmaw Gvern; X'se jfisser għal Malta?

Malta u l-Italja minn dejjem kellhom relazzjoni tajba bejniethom. Iżda, x’se jiġri taħt gvern ġdid? Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-impatt li gvern bejn iċ-Cinque Stelle u l-Lega jista’ jkollu fuq Malta

Il-Prim Ministru ġdid Taljan Giuseppe Conte
Il-Prim Ministru ġdid Taljan Giuseppe Conte

Wara 88 jum mill-elezzjoni ġenerali fl-Italja u l-kontroversji tal-aħħar jiem, l-Italja issa għandha Gvern iffurmat mill-Movimento Cinque Stelle u l-Lega, liema Gvern se jkun immexxi minn Giuseppe Conte.

Minkejja li nhar il-Ħadd li għadda, il-President Taljan Sergio Mattarella ma aċċettax in-nomina ta' Paolo Savona bħala Ministru għall-Ekonomija, minħabba li huwa Ewroxettiku u anke tkellem kontra l-ewro, iż-żewġ partiti, flimkien ma' Conte, ippreżentaw proposta oħra għal Gvern u din intlaqgħet minn Mattarella.

Il-Kabinett, huwa magħmul minn 18-il Ministru, bil-mexxejja taż-żewġ partiti, Matteo Salvini u Luigi di Maio, se jkunu d-Deputati Prim Ministru u Savona Ministru għall-Affarijiet Ewropej.

Apparti minn hekk, Salvini huwa l-Ministru għall-Intern u Di Maio Ministru għax-Xogħol u l-Iżvilupp Ekonomiku.

Gvern li jinteressa lil Maltin daqskemm lit-Taljani

X’aktarx li dan il-gvern il-ġdid jinteressa lill-Maltin daqskemm jinteressa lit-Taljani, mhux biss għax Malta u l-Italja huma pajjiżi ġirien, iżda anke għax ħafna drabi, il-politika Taljana jkollha effett dirett fuq Malta.

Giuseppe Conte, li sa ftit tal-jiem ilu ftit kienu dawk li jafu min hu, kien l-għażla tal-mexxej tal-Lega, Matteo Salvini u l-mexxej tal-Movimento Cinque Stelle, Luigi di Maio.

Sa ftit ilu dawn iż-żewġ partiti ma kinux jaraw għajn b’għajn iżda fl-aħħar jiem ingħaqdu biex jiffurmaw Gvern ġdid Taljan, wara li l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda tat lill-Italja Parlament staġnat.

Il-partit populist taċ-Cinque Stelle, minkejja li mmexxi minn mexxej li mhuwiex gradwat u li qatt ma kellu impjieg fiss qabel ma daħal fil-Parlament ħames snin ilu, kien l-aktar partit li ġab voti, għalkemm mhux biżżejjed siġġijiet biex jiggverna.

Mill-banda l-oħra, il-partit ta’ Matteo Salvini kkontesta l-elezzjoni bħala parti mill-koalizzjoni taċ-Centro Destra, li kienet tinkludi, fost oħrajn, lill-Forza Italia, il-partit tal-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi.

Flimkien, l-erba’ partiti li kienu jiffurmaw din il-koalizzjoni, ġabu aktar voti mill-Movimento Cinque Stelle, iżda xorta waħda ma kellhomx biżżejjed siġġijiet.

Luigi di Maio
Luigi di Maio

Minħabba f’hekk, għal aktar minn xahrejn, kemm Salvini u anke Di Maio kienu qed jisħqu li għandhom dritt jiggvernaw. Minkejja dan, fl-aħħar ġimgħat ingħaqdu bil-għan li jiffurmaw gvern bejniethom.

Il-‘bagalja’ ta’ Giuseppe Conte...

Kien hawn li faqqas isem Giuseppe Conte, wiċċ ġdid fil-politika u espert legali ta’ 53 sena, wara li ż-żewġ mexxejja ddeċidew li ħadd minnhom ma jkun Prim Ministru iżda jagħżlu persuna oħra u jipproponu ismu lill-President tar-Repubblika, Sergio Mattarella.

Malli ħareġ isem Conte, mill-ewwel bdew il-kontroversji dwaru, fosthom għax minkejja li fis-CV tiegħu għandu mniżżel li studja għal avukat fl-Università ta’ New York u għallem f’għadd ta’ universitajiet, fosthom dik ta’ Malta, ismu ma deher imkien, la fi New York u lanqas f’Malta.

Dan apparti rapporti oħra li għandu jħallas madwar €50,000 f’taxxa u multi.

Avukat difensur tal-poplu jew pupazz?

Minkejja din ‘il-bagalja’ li qed iġorr warajh, wara ftit sigħat ta’ riflessjoni, il-President Mattarella aċċetta lil Giuseppe Conte u tah l-inkarigu li jifforma l-kabinett.

Fl-ewwel konferenza tiegħu, il-Prim Ministru maħtur wiegħed gvern li se jkun “l-avukat difensur tal-poplu,” u ddeskrivieh għal aktar minn darba bħala “l-gvern tal-bidla.”

Berlusconi jsabbat siequ...

Sal-ġimgħa li għaddet ix-xettiċiżmu dwar dan il-Gvern kien kbir, bil-Kavallier Berlusconi, li l-partit tiegħu kien parti mill-koalizzjoni ta’ Salvini, kien qal li se jkun qed jivvota kontra gvern magħmul mill-Movimeno Cinque Stelle u l-Lega, immexxi minn Giuseppe Conte.

Matteo Salvini
Matteo Salvini

Il-Partit Demokratiku Taljan, immexxi minn Matteo Orfini, iddeskriva lill-Gvern propost bħala wieħed tal-lemin estrem, bl-eks Prim Ministru Matteo Renzi jawgura lil Conte u jisħaq li l-Oppożizzjoni se tkun qed tivverifika li l-Gvern iwettaq dak li l-partiti wiegħdu fil-kampanja elettorali.

Jaqblu ftit... fosthom l-immigrazzjoni

Jekk hemm wegħda li ż-żewġ partiti jaqblu magħha, hija dik li jsinnu snienhom fejn tidħol l-immigrazzjoni.

Salvini kien wiegħed li jibgħat lura f’pajjiżhom mal-500,000 immigrant f’ħames snin, b’100,000 fl-ewwel sena ta’ tmexxija.

Ta’ min jgħid li minn wara t-traġedja ta’ Lampedusa lura fl-2013 fejn aktar minn 360 immigrant tilfu ħajjithom, l-istat Taljan beda jieħu kważi r-refuġjati kollha li jiġu salvati mill-Forzi tal-Ordni Maltin.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ politiċi, esperti u opinjonisti dwar x’jaħsbu li se jkun l-impatt tal-Gvern ġdid Taljan fuq Malta.

‘Id-dikjarazzjoni ta’ Salvini ma tantx tawgura tajjeb għal Malta’

Jekk hawn persuna f’Malta li għandha esperjenza diretta tal-politika Taljana huwa l-eks Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, li fl-2006 kien elett fil-parlament Taljan.

Mal-gazzetta ILLUM, Cassola tefa’ dubju fuq kemm Giuseppe Conte se jkollu s-saħħa biex imexxi b’mod awtonomu, anke għax ma għandu l-ebda esperjenza fil-politika.

Arnold Cassola li kien Membru Parlamentari Taljan
Arnold Cassola li kien Membru Parlamentari Taljan

Cassola nnota wkoll kif wara li ħareġ mingħand il-President, Matteo Salvini, il-mexxej tal-Lega, stqarr mal-ġurnalisti li kien ta lil Mattarella l-lista tal-Ministri.

“Din hija xi ħaġa anomala, għax il-Ministri jaħtarhom il-Prim Ministru mhux Salvini,” saħaq Cassola.

Dwar l-immigrazzjoni, Cassola saħaq kif id-dikjarazzjoni ta’ Salvini li jrid jissikka l-fruntieri u jibda jiddeporta l-barranin ma tantx tawgura tajjeb għal Malta.

Tkellem ukoll dwar l-effett li l-Gvern il-ġdid Taljan jista’ jkollu fuq livell Ewropew. Kollox jindika li l-gvern Taljan se jkun qed jitlob aktar flessibilità fir-regoli finanzjarji u “din l-inċertezza,” fi kliemu, tista’ twassal għal taqlib li jista’ jaffettwa l-ekonomija taż-żona ewro kollha kemm hi.”

Wera wkoll it-tħassib tiegħu għall-wiegħda tal-gvern il-ġdid li jintroduċi ‘flat tax,’ jiġifieri li kulħadd, sinjur jew fqir, iħallas l-istess rata ta’ taxxa tad-dħul.

‘L-affarijiet ma jidhrux sbieħ’

L-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella, qal li l-affarijiet ma jidhrux sbieħ, la għal Malta u lanqas għall-bqija tal-Ewropa.

Vella saħaq li mingħajr l-ebda dubju l-politika tal-gvern ġdid Taljan fuq l-immigrazzjoni se jkollha effett dirett fuq Malta, aktar u aktar b’Matteo Salvini bħala Ministru għall-Intern.

“Irridu nxammru l-kmiem,” insista George Vella waqt li spjega li għalkemm l-immigrazzjoni naqset, figuri li fl-Italja jkunu aċċettati, għax jintilfu fil-miljuni, f’Malta jinħassu ħafna.

L-eks Ministru George Vella
L-eks Ministru George Vella

Iżda wissa wkoll dwar effetti indiretti li l-gvern ġdid Taljan jista’ jkollu fuq Malta. Fakkar kif iż-żewġ partiti kemm-il darba kkritikaw l-istrutturi tal-Unjoni Ewropea, fosthom anke l-ewro.

L-eks Ministru kompla jispjega li wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, l-Italja se tkun waħda mill-akbar piżijiet ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea u dan meta d-dejn tagħha jlaħħaq il-€2.3 triljun.

Il-Kummissjoni diġà wissiet lill-Italja biex tnaqqas id-dejn tagħha, li huwa t-tieni l-akbar fl-Unjoni Ewropea wara dak tal-Greċja, li fl-aħħar snin għaddiet minn kriżi ekonomika kbira li heżżet ukoll lill-Unjoni Ewropea.

Vella temm jgħid li għadu skantat kif Sergio Mattarella qabel mal-ħatra ta’ Giuseppe Conte bħala Prim Ministru ġdid Taljan.

‘Conte jista’ jżomm lura milli jxellef ir-relazzjoni ma’ Malta’

Il-Pro Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Carmen Sammut, li hi speċjalizzata fl-istudji tar-relazzjonijiet internazzjonali, saħqet li jeżistu diversi fatturi li jistgħu jwasslu biex Giuseppe Conte jara li mhux fl-aħjar interess ta’ pajjiżu li jxellef it-tradizzjoni twila ta’ relazzjonijiet bilaterali ma’ Malta.

Sammut fakkret li f’Malta hawn eluf ta’ immigranti Taljani, l-aktar Sqallin, li ġew b’mod regolari u legali biex jaħdmu fil-gżejjer Maltin, minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol fl-Italja.

Kien f’dan id-dawl, li l-Pro Rettur saħqet li l-fatt li Conte x’aktarx għandu għarfien tajjeb ta’ Malta (ġaladarba skontu kien jgħallem hawn) u anke l-fatt li hawn daqstant interessi kummerċjali u ħaddiema Taljani f’Malta, jistgħu jwasslu biex iżomm pass lura fejn tidħol Malta.

Il-Professur Carmen Sammut
Il-Professur Carmen Sammut

Iżda, minkejja dan, Giuseppe Conte se jkun qed imexxi gvern magħmul minn żewġ partiti populisti u għalhekk x’aktarx li dan il-fatt se jbiddel ix-xenarju fejn tidħol l-immigrazzjoni.

Fl-aħħar snin, speċjalment taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Matteo Renzi, iż-żewġ pajjiżi ħadmu ħafna id f’id, l-aktar fejn tidħol iż-żona tas-Search and Rescue estensiva ta’ Malta.

Sammut saħqet li jekk il-Gvern Taljan jagħżel li jisfida lill-Unjoni Ewropa, fejn tidħol l-immigrazzjoni, influss akbar ta’ immigranti jistgħu jaslu f’Malta.

“Dan jista’ jwassal għal firxa sfortunata tal-populiżmu anke fi xtutna,” temmet tgħid il-Professur.

‘Viżjoni differenti fuq żewġ kwistjonijiet importanti’

Tkellimna wkoll ma’ Andrè Debattista, riċerkatur dwar il-politika internazzjonali, li nnota kif bil-gvern ġdid Taljan, Malta u l-Italja se jkollhom viżjoni differenti fuq żewġ kwistjonijiet importanti u li fl-aħħar snin dejjem ħadmu id f’id dwarhom.

Ir-Riċerkatur Andrè Debattista
Ir-Riċerkatur Andrè Debattista

L-akbar kwistjoni tibqa’ dejjem l-immigrazzjoni, b’Debattista jfakkar li ż-żewġ partiti li se jiffurmaw dan il-gvern, it-tnejn li huma kienu eletti b’enfasi kbira fuq l-immigrazzjoni.

“Issa kollox jiddependi mir-rieda tal-gvern Taljan li ma jaħdimx kontra Malta,” kompla Debattista. “Jekk ma hemmx din ir-rieda għal soluzzjoni, bla dubju Malta se tkun affettwata.”

It-tieni kwistjoni li tkellem dwarha Debattista u li għamel aċċenn għaliha, l-eks Ministru George Vella, hija dik dwar l-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li bħalissa l-Unjoni Ewropea qed tagħmel dik li sejjaħ bħala soul searching, il-viżjoni tal-Lega u tal-Movimento Cinque Stelle, ma tidhirx li se tkun qed tgħin.

Minkejja kollox, Debattista saħaq li relazzjoni tajba bejn Malta u l-Italja tibqa’ dejjem l-aqwa soluzzjoni għaż-żewġ pajjiżi.

More in Politika