Il-Gvern iħabbar bidliet għall-emendi tal-IVF; il-maternità surrogata f'abbozz separat
Dawn jinkludu bidliet fejn jidħol l-iffriżar tal-embrijuni, id-donazzjoni tal-gamiti u l-maternità surrogata
More in Politika
Dawn jinkludu bidliet fejn jidħol l-iffriżar tal-embrijuni, id-donazzjoni tal-gamiti u l-maternità surrogata
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dalgħodu ħabbar diversi emendi li l-Gvern mistenni jintroduċi għall-proposti mressqa minnu stess għal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Waqt ftuħ ta’ dibattitu fil-Parlament, il-Ministru Fearne saħaq li l-Gvern se jkun qed iressaq diversi emendi hekk kif l-abbozz ta' liġi se jkun diskuss fi stadju ta' kumitati parlamentari.
Donazzjoni tal-gamiti; anonimità mhux totali
Il-Gvern se jkun qed jipproponi li wild li jkun twieled mid-donazzjoni tal-gamiti, meta jkollu 18-il sena, se jingħata d-dritt li jsir jaf min kien id-donatur, liema dettalji se jkunu miżmuma f’reġistru apposta.
L-emendi, kif kienu oriġinarjament proposti, kienu joffru anonimità totali fejn tidħol id-donazzjoni tal-isperma jew il-bajda tal-mara. Fost oħrajn, id-donatur ma jkunx jaf fejn marret id-donazzjoni tiegħu u min jirċievi d-donazzjoni u l-wild ma jkunux jafu min kien id-donatur.
Bil-proposti l-ġodda, il-wild se jingħata d-dritt li jkun jaf min kien id-donatur meta jagħlaq 18-il sena, iżda l-anonimità se tibqa’ tapplika għaż-żewġ aspetti l-oħra.
L-iffriżar tal-embrijuni; L-età għall-IVF titla' sa 48 sena
Il-Gvern se jkun qed iressaq ukoll xi emendi fejn jidħol l-iffriżar tal-embrijuni.
Il-Ministru Fearne spjega kif il-koppji li se jkollhom it-tielet embrijun iffertilizzat fl-ewwel ċiklu, li jkollu jiġi ffriżat, se jingħataw iċ-ċans li jkollhom dan l-embrijun implantat wara, anke jekk ikunu welldu tarbija permezz taż-żewġ embrijuni l-oħra.
“It-tibdil li qed nipproponu hu favur il-ħajja tant li dawk il-koppji li jkun fadlilhom embrijun iffriżat, l-istess koppja se jingħataw l-opportunità ta’ ċiklu addizzjonali tal-IVF sabiex l-embrijun jingħata ċ-ċans li jiżviluppa f’ħajja ġdida fl-istess familja,” saħaq il-Ministru.
Apparti minn hekk, fil-każ ta’ dawk il-koppji li jkollhom embrijun iffriżat, l-età biex omm tirċievi IVF se titla’ sa 48 sena.
Adozzjoni: Assessjar tal-ġenituri prospettivi
Qal ukoll, li f’dawk “il-każijiet eċċezzjonali,” fejn l-embrijuni jkunu se jiġu adottati, il-ġenituri prospettivi se jkunu qed jgħaddu minn proċess ta’ assessjar, l-istess kif jiġri fil-każijiet l-oħra kollha ta’ adozzjoni.
Il-Ministru qal ukoll li termini oħra li fl-emendi ntużaw minflok ‘embrijun,’ se jinbidlu għal ‘embrijun.’
Maternità surrogata f'abbozz separat
Il-maternità surrogata se tkun qed titneħħa minn dan l-abbozz ta’ liġi u se tkun ippreżentata b’abbozz ġdid aktar tard.
L-Oppożizzjoni se tistudja l-emendi iżda tisħaq li huwa pass pożittiv
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, Claudio Grech, qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jistudja dawn l-emendi għalkemm saħaq li huwa pożittiv li l-Gvern qed jemenda dak propost oriġinarjament.
Insista li l-bidliet imħabbra llum huma konferma li din il-liġi "kienet frott l-għaġla."
Temm jgħid li dan kollu juri li l-Oppożizzjoni kienet korretta meta vvotat kontra l-abbozz fl-istadju tat-tieni qari.