L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati, il-UNHCR u anke l-Kummissjoni Ewropea appellaw lil Malta u lill-Italja biex jilqgħu għandhom l-immigranti li ilhom sigħat sħaħ bejn sema u ilma jistennew li xi ħadd jgħinhom.
Fi stqarrija, il-Mibgħut Speċjali tal-Ġnus Magħquda għaċ-Ċentru tal-Mediterran, Vincent Cochetel insista li fil-qalba tal-Mediterran hemm persuni li dalwaqt jispiċċaw bla ikel u għandhom bżonn l-għajnuna kemm jista’ jkun malajr.
Insista li kwistjonijet bejn l-Italja u Malta u min għandu r-responsabbilità jew inkella kif għandu jinqasam il-piż, għandhom jiġu diskussi wara.
Madwar 629 persuna, fosthom għexieren ta’ tfal, ilhom mill-bieraħ jistennew abbord il-bastiment Aquarius wara li l-Gvern Taljan għalaq il-portijiet tiegħu u qed jinsistin li għandu jinżlu Malta, bil-Prim Ministru Malti jinsisti li mhux se jieħu dawn l-immigranti u li se jibqa’ jimxi mal-liġijiet internazzjonali.
L-istess mibgħut ħeġġeġ lill-Gvernijiet kollha biex jgħinu lil dawk il-pajjiżi li qed jilqgħu l-immigranti li jaslu bil-baħar u biex ikunu stabbiliti mekkaniżmi biex il-piż jinqasam fost kulħadd.
Intant, kelliem għall-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos qal li l-Unjoni Ewropea qed isegwi mill-qrib dawn l-iżviluppi u ħeġġeġ lill-Italja u lill-Malta biex jipprovdu l-għajnuna lil dawn is-600 immigrant.
Fl-ewwel ħames xhur tas-sena, l-Italja laqgħet għandha 13,706 immigrant li waslu fuq id-dgħajjes bit-tama ta’ ħajja aħjar.
Aqra aktar: