Analiżi | Bdieha Truman u spiċċaha Trump…Paċi wara 68 sena
68 sena ta’ gwerra waħda u ħafna ġlied, argumenti u theddid Trump u Kim jirrikonċiljaw f’Singapore. L-istorja kollha miġbura f’500 kelma
minn Liam Carter
Il-data tat-12 ta’ Ġunju 2018 se tibqa' mfakkra bħala ġurnata storika, dan wara li kmieni t-Tlieta li għadda, f’Singapore, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-mexxej kommunista tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un, iffirmaw qbil li jiddikjara li Pyongyang se jimplimenta d-denuklearizzazzjoni sħiħa tal-Korea ta’ Fuq.
Però dan huwa l-ewwel tentattiv għall-paċi fil-peniżola Koreana? L-Istati Uniti kienet fi gwerra mal-Korea ta’ Fuq? L-ILLUM twieġeb.
X’inhu l-kuntest politiku u storiku li wassal għall-gwerra?
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-okkupazzjoni Ġappuniża tal-Korea ntemmet u minflok ġew installati truppi Sovjetiċi fil-parti tat-Tramuntana u t-truppi Amerikani fil-parti tan-Nofsinhar tal-peniżola.
Sena biss wara, bl-appoġġ tal-Unjoni Sovjetika, twaqqaf il-Partit Komunista tal-Korea ta’ Fuq. Fl-1948, ġiet ipproklamata r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, b’Kim Il-Sung bħala l-ewwel mexxej.
X’inhuma l-għeruq tal-antagoniżmu bejn iż-żewġ pajjiżi?
Il-gwerra bdiet fil-25 ta' Ġunju 1950 meta l-Korea ta' Fuq invadiet il-Korea t’Isfel. L-Istati Uniti dak iż-żmien motivata mit-Truman Declaration, (dikjarazzjoni bl-għan li twaqqaf l-espansjoni tal-idea Kommunista), offriet l-għajnuna tagħha lill-Korea t’Isfel. Fl-istess waqt iċ-Ċina u l-Unjoni Sovjetika, dak iż-żmien żewġ potenzi kommunisti, servew bħala l-bastun militari għall-Korea ta’ Fuq.
Il-ġlied bejn iż-żewġ partijiet spiċċa fis-27 ta’ Lulju 1953, meta ġie ffirmat armistizju. B’riżultat ta’ dan il-Peninżola Koreana nfirdet f’żewġ partijiet: il-Korea ta’ Fuq bi gvern Kommunista u l-Korea t’Isfel bi gvern elett demokratikament.
Kif iggravat ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi ?
Għalkemm l-involviment tal-Istati Uniti fil-Gwerra tal-1950 huwa l-mottiv prinċipali wara r-relazzjoni xejn feliċi bejn iż-żewġ stati, fl-aħħar snin ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi kienet ikaratterizzata minn diversi testijiet ta’ armi nukleari tal-Korea ta' Fuq u bit-theddid kontinwu lejn l-Istati Uniti.
Dan huwa l-ewwel tentattiv ta’ paċi fil-Korea?
Le. Fil-bidu tal-1994, fid-dawl ta’ iktar theddid min-naħa tal-Korea ta’ Fuq fil-konfront tal-Istati Uniti, l-amministrazzjoni ta’ Bill Clinton għażlet li tinnegozja ma' Pyongyang.
F’Ottubru 1994, in-negozjati waslu għal ftehim li bih il-Korea ta’ Fuq kienet se tiffriża u eventwalment iżżarma l-faċilitajiet nukleari tagħha.
Diversi esperti u storiċi jgħidu li dan il-ftehim, kien iffaċilitat minħabba l-bidla fis-sitwazzjoni ġeopolitika ta’ dak iż-żmien, fosthom bil-kollas tal-Unjoni Sovjetika u biċ-Ċina tfittex relazzjoni aħjar mal-Korea t’Isfel.
Jekk diġà kien hemm qbil għaliex reġgħu ltqagħu?
Meta l-President George W. Bush ħa t-tmun fl-2001, l-amministrazzjoni tiegħu ħadet attitudni politika aktar iebsa lejn il-Korea ta’ Fuq. Fl-aħħar tas-sena 2002, il-ftehim ikkrolla. Fis-snin li segwew ir-relazzjonijiet diplomatiċi komplew sejrin għall-agħar speċjalment meta ħa riedni f’idejh Kim Jung Un.
Xaqq ta’ dawl fl-2018... Trump u Kim jiltaqgħu f’Singapore
Fit-8 ta' Marzu 2018, il-White House kkonfermat li l-President Donald Trump aċċetta stedina għal laqgħa minn Kim Jong-Un. Minkejja dan, fl-24 ta’ Mejju Trump kien informa li l-laqgħa ma kinetx se ssir minħabba ‘ostilità min-naħa tal-Korea ta’ Fuq.’
Fl-1 ta’ Ġunju l-President Amerikan, b’mossa ‘Trump’ reġa’ ħabbar li s-summit kien se jsir fit-12 ta' Ġunju 2018. Il-President Trump iltaqa' mal-President Kim fil-lukanda Capella f’Singapor. Huma ffirmaw trattat wara diskussjoni ta’ 45 minuta.