Il-Maltin li jikkreaw kontenut issa jistgħu jidħlu fi sħubija ma' Youtube
YouTube tniedi verżjoni speċifika għal Malta..li se tkun qed tespandi l-YouTube Partnership Programme(YPP)
minn Liam Carter
llum YouTube ħabbret it-tnedija ta’ verżjoni lokali speċifika għal Malta, disponibbli bl-Ingliż fuq youtube.com.mt. Għat-telespettaturi u d-dilettanti f'Malta, dan ifisser li se jkun aktar faċli li persuna tiskopri lil min qed joħloq il-kontenut kif ukoll aktar aċċess għal kontenut lokali. Biż-żieda ta’ Malta, YouTube issa għandha verżjonijiet lokali f'aktar minn 90 pajjiż.
It-tnedija tal-verżjoni lokali ta’ YouTube hi ukoll aħbar tajba għal dawk li jikkreaw, għax hi l-ewwel pass għall-introduzzjoni tal-opportunità li persuna ssir partner. Aktar tard din is-sena, YouTube se tespandi ukoll il-YouTube Partnership Programme(YPP) tagħha f'Malta, biex il-programm ikun disponibbli għall-ekosistema dejjem tikber ta’ dawk li joħolqu l-kontenut lokalment magħrufa bħala creators. Dan jippermetti lil dawk fil-qasam tal-kreattività biex ikollhom introjtu ta’ flus mill-videos tagħhom, filwaqt li jkollhom firxa aktar wiesgħa ta’ għodda u riżorsi biex jagħmlu l-aħjar użu mill-kontenut tagħhom fuq YouTube.
Il-creators (produtturi tal-kontenut) diġà jista’ jkollhom aċċess għal lezzjonijiet online permezz tal-YouTube Creator Academy biex jitgħallmu l-aħjar prattiċi, filwaqt li l-Creator Community toffri lill-kreaturi spazju fejn jiltaqgħu ma’ xulxin, joħolqu kollaborazzjonijiet, u ħafna aktar.
Fabian Borg, il-fundatur ta’ Creators Malta, li kien hu li ħa l-inizjattiva biex jagħmel petizzjoni lil Google ħalli tinkludi lil Malta fil-YouTube Partnership Programme, qal "Nirringrazzja lil Google u YouTube talli se jillokalizzaw il-pjattaforma tal-kontenut tagħhom u b'hekk il-produtturi Maltin tal-kontenut se jkunu fuq livell ta’ creators oħrajn mill-UE u internazzjonalment. Nara dan bħala l-bidu tal-proċess lejn l-inklużjoni sħiħa ta’ Malta fil-YPP, li finalment tagħti lill-produtturi tal-kontenut Malti l-opportunità li jikkummerċjalizzaw l-attività tagħhom filwaqt li fl-istess ħin joħolqu settur ekonomiku ġdid għall-pajjiż.”
Enrico Bellini, il-Maniġer tal-Politika Pubblika ta’ Google, qal, “smajna tajjeb ħafna u b’mod ċar it-talbiet tal-komunità lokali tagħna f'Malta u nittamaw li b'domain apposta u bil-ftuħ li se jsir dalwaqt tal-Programm ta’ Sħubija YouTube (YPP) f'Settembru, aħna qed ngħinu biex inwittu t-triq għal xogħol ta’ aktar produtturi, artisti u mużiċisti Maltin biex jibbrillaw fost il-kommunita’ vibranti tal-vidjows fid-dinja.”
Is- Segretarju Parlamentari tas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni Silvio Schembri wera s-sodisfazzjon kbir għad-deċiżjoni ta’ YouTubeli toħloq din il-verżjoni speċifikament għal Malta bl-Ingliż f’youtube.com.mt.
Fil-kummenti tiegħu hu sostna li "din id-deċiżjoni hi r-riżultat tad-diskussjonijiet li l-Gvern Malti kellu ma’ Google. Wara li rajt il-petizzjoni mingħand il-produtturi lokali tal-kontenut biex Malta tkun inkluża fil-YouTube Partnership Programme ta' Google, aħna għamilna lobbying b'mod attiv ma’ Google kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq livell Ewropew."
Schembri żied jgħid li hu "ta’ sodisfazzjon kbir li fix-xhur li ġejjin se naraw li t-talent Malti se jkun finalment ippremjat għall-kontenut kreattiv tiegħu u mtella’ fuq youtube.com.mt. Inħeġġu lill-produtturi Maltin tal-kontenut biex jużaw dan il-kanal b'mod responsabbli, biex b’ekk jieħdu l-opportunità li jippromwovu kemm it-talent tagħhom kif ukoll lil pajjiżna. Nirringrazzja personalment lil Google għall-fiduċja murija f'Malta, talli semgħet it-tħassib tagħna u għall-kontribut tagħhom biex isaħħu l-ekonomija diġitali ta' Malta," qal is-Segretarju Parlamentari.
Intant, l-MEP Malti Francis Zammit Dimech, qal, "YouTube hi pjattaforma importanti ħafna speċjalment għal artisti żgħażagħ li jixtiequ jespandu u jikbru. Għalhekk nilqa’ t-tnedija ta' paġna speċifika għal Malta u l-pjani għal futur li ukoll jikkumpensaw produtturi tal-kontenut biex ikomplu jappoġġa lill-artisti f’Malta u biex joffru aktar kontenut ta’ kwalità lill-utenti. Din hi ħaġa li tassew nemmen fiha, u fil-fatt ili naħdem fuq dan is-suġġett mal-komunità Maltija ta' YouTube, saħaq Zammit Dimech.