Sant għadu qed jaħsibha joħroġx għall-elezzjoni tal-PE
Alfred Sant intervistat mill-gazzetta ILLUM jgħid li kieku Dom Mintoff ma kkontestax l-elezzjoni tal-1996 “konna nagħmlu 10 snin fil-Gvern.”
minn Liam Carter
Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM jekk għandux ħsieb li jerġa' jikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, l-eks Prim Ministru Laburista, Alfred Sant sostna li “id-deċiżjoni neħodha fil-ħarifa li ġej. Bħalissa qiegħed nikkunsidra l-affarijiet.”
L-eks Mexxej Labursita saħaq li,“dejjem ikun hemm ir-raġunijiet li trid tikkunsidra, trid tara x’inhuma l-aħjar affarijiet għall-pajjiż, għall-partit u għalik personali.”
L-ILLUM staqsiet lil Sant jekk hemmx xi fattur fit-tmexxija tal-partit jew xi kwistjoni politika partikolari li qed iżommu lura milli jħabbar il-kandidatura tiegħu. Fuq din Sant kien pront iwieġeb, “assolutament le. Però irrid nara x’jaqbillu l-Partit Laburista bħalissa. Dejjem ikun hemm bżonn uċuh ġodda. Allaħares nibqgħu bl-istess nies.”
Alfred Sant kien elett bħala Membru fil-Parlament Ewropew fl-2014 b’aktar minn 48,700 vot. Notevolment qabel ma ġie elett fil-PE, bħala mexxej Laburista Sant kien mexxa l-kampanja biex Malta ikollha relazzjoni speċjali mal-Unjoni Ewropea fil-forma ta’ ‘Parternship’ flok sħubija sħiħa mal-Unjoni Ewropea.
Kieku Mintoff ma kkontestax fl-1996...
Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM fuq il-kwistjoni li hu kellu mal-eks mexxej Laburista Duminku Mintoff, Sant kien skjett u qal, “ċertament li kieku Mintoff ma kkontestax għall-elezzjoni tal-1996 konna nagħmlu 10 snin immexxu aħna.”
Fl-1998, Mintoff ivvota kontra l-proġett tal-Baċir Numru 1 f’Bormla li miegħu kien marbut vot ta’ fiduċja fil-Gvern li kien imexxi Alfred Sant u b’hekk waqa’ l-Gvern. Il-Partit Laburista kellu jistenna sal-2013 biex jerġa’ jikseb it-tmexxija tal-pajjiż.
“Il-Parlament Ewropew huma wisq maqtugħ mir-realtà tal-poplu”
Alfred Sant kien mexxa l-kampanja ta’ partnership mal-Unjoni Ewropea, li bażikament kienet tisħaq fuq il-bżonn li jkun hemm ftehim speċjali mal-UE simili għal dawk li saru ma’ pajjiżi bħall-Iżvizzera, minflok sħubija mal-UE. Minkejja dan kollu, fl-2014, Alfred Sant kien elett fil-Parlament Ewropew b'aktar minn 48,700 vot. L-ILLUM staqsiet lill-eks mexxej Laburista jekk inbidlitx l-opinjoni tiegħu fuq l-UE wara li serva għal ħames snin sħaħ bħala MEP.
“Le, hemm wisq atmosfera maqtugħa mill-affarijiet li jikkonċernaw iċ-ċittadini. Id-diskussjonijiet huma wisq fl-ajru u teoretiċi. Naħseb li din hija l-problema li qed ikollhom l-Ewropej meta jiġu biex jivvutaw fil-Parlament Ewropew,” spjega Sant.
Apparti minn hekk, skont Sant, “il-fatt li darba f’kull ħames snin jiġu eletti deputati li jkunu qegħdin maqbuda f’kwistjonijiet Ewropej f’livell għoli joħloq distakk kbir. Jien naħseb li, istutizzjonalment, kif inhu maħdum il-Parlament Ewropew qed joħloq dan id-distakk bejn il-politiċi u l-poplu.”
Għadu jaħseb li Konrad Mizzi missu jirreżenja?
F’April tal-2016, wara l-iżvelar tal-Panama Papers, fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu Sant kien qal ċarament li Konrad Mizzi m'għandux għażla oħra ħlief li jitlaq. Wara l-iżvelar ta’ stejjer ġodda din is-sena mill-konsorzju ta' ġurnalisti ‘Forbidden Stories', għadu bl-istess fehma?
“Qed issemmi xi ħaġa storika. Illum iċ-ċirkostanzi nbidlu u l-affarijiet qed nosservahom mingħajr ma nagħmel ġudizzju fuqhom. Kien hemm żviluppi politiċi kbar fil-pajjiż. U l-poplu kellu dritt u ċ-ċans li jesprimu ruħu,” saħaq Sant. Hu kompla jgħid kif skontu, “jekk inbidlet ir-realtà politika, jien niġġudika fuq affarijiet ta’ politika mhux fuq allegazzjonijiet kriminali.”
Qatt ma ltqajt ma’ xi ħadd fl-UE li jitkellem bħall-MEP’s Nazzjonalisti
Staqsejt lil Sant jekk jaħsibx li l-interventi tal-MEP’s Nazzjonalisti fil-PE huwiex “att ta’ tradiment” kif jakkużaw ħafna votanti Labursti...Fuq din l-MEP Laburista insista li “kulħadd jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Dan huwa aġir li nikkundannah. Qatt ma ltqajt ma’ xi ħadd fl-UE li jitkellem bħad-deputati Nazzjonalisti.”
Sant kompla jgħid li “meta tirrifletti realtajiet tal-kostitwenti tiegħek, fil-livell qed tħares l-aqwa interessi tagħhom mhux kif qed jagħmlu l-MEP’s Nazzjonalisti. Jużaw kontroversja f’Malta li imbuttaw huma stess fuq bażi partiġġjana biex mingħalihom jirbħu l-punti.”
Għaliex Muscat rebaħ tlieta u Sant tilef tlieta?
Skont Alfred Sant id-differenza bejn il-Partit Laburista li kien imexxi hu u dak li llum imexxi Muscat hi waħda ta’ ideoloġija. “Il-Partit Laburista fiż-żmien tiegħi kien xellug ċentru fi żmien ta’ Muscat il-PL trasforma ruħu f’partit ċentru xellug. Effetivament dik il-bidla ppermetietlu jdaħħal taħt il-kappa tal-Partit Laburista nies li qabel ma kinux jivvotaw lill-istess partit,” saħaq Sant.