Intervista | ‘It-tfal tal-partit’ fuq l-abort, il-partiġġjaniżmu u l-marijuana

Din il-ġimgħa l-ILLUM tkellmet maż-żewġ żgħażagħ li għalihom il-partit huwa kważi ħajjithom...

Jgħidu li ż-żgħażagħ ma jinterressahomx wisq mill-politika. Imma dan veru? Il-fergħat taż-żgħażagħ fiż-żewġ partiti qegħdin hemm biex isostnu t-tribaliżmu politiku f’din il-gżira? Jew qegħdin hemm biex jippromovu ħsieb kritiku u jservu ta’ ruħ għall-partit?

Din il-ġimgħa l-ILLUM tkellmet maż-żewġ żgħażagħ li għalihom il-partit huwa kważi ħajjithom: is-Segretarju Ġenerali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL), Georvin Bugeja u l-uffiċjal fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN), Jean Carl Agius Ciscaldi li huwa wkoll kandidat tal-PN għall-elezzjonijiet tal-Kunsill lokali għall-Pietà.

Jean Carl Agius Ciscaldi
Jean Carl Agius Ciscaldi

Ħafna jħossu li intom tirrinforzaw il-partiġġjaniżmu u ma tippromovux il-ħsieb kritiku. X’taħseb?

Il-Partit Nazzjonalista, fil-mument jinsab fl-Oppożizzjoni. Il-kelma minnha nnifisha ma tantx tgħin sabiex tinbidel din l-idea, għax hi kelma tqila u xi ftit negattiva wkoll. Biss ma naqbilx mal-fatt li l-PN jitkellem b’partiġġjaniżmu biss. Ovvjament il-Partit għandu l-valuri tiegħu u hu importanti li jżomm dawn il-valuri sodi u fl-istess ħin jipprova kemm jista' jkun iżomm lilu nnifsu aġġornat maż-żminijiet tal-lum. Iżda fi żmien riċenti l-PN, f'diversi sitwazzjonijiet oppona deċiżjonijiet tal-Gvern, bħal-liġi tal-IVF u maternità surrogata. Issa jien ma naħsibx li l-PN biss ma qabilx, iżda hemm ħafna nies hemm barra li huma wkoll kontra din il-liġi. Għaldaqstant tajjeb li nsemmu wkoll li f’ċertu deċiżjonijiet importanti l-PN appoġġja lill-Gvern, b’eżempju riċenti tkun il-kwistjoni tal-immigranti illegali.  

X'inhuma l-ambizzjonijiet tiegħek fil-partit?

Jien inħobb nimxi ġurnata b’ġurnata u sal-lum wasalt sabiex inkun kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Għalija hu pass importanti ħafna. ’Il quddiem ma nafx u naħseb mhux ġust nitkellem fuq dak li jista’ jiġri 10 snin oħra jew iktar meta għadni qiegħed nagħmel l-ewwel passi tiegħi fil-politika. Ovvjament, li hu żgur huwa li se nkun qiegħed naħdem fi ħdan il-PN fil-futur tkun xi tkun il-pożizzjoni tiegħi.  

Taqbel mal-legalizzazzjoni tal-marijuana għal skopijiet rikreattivi? Għaliex?

Jekk tigi legalizzata l-marijuana, tkun inqabżet l-ewwel barriera li dejjem kienet l-itqal waħda, u la darba tinqabeż l-ewwel barriera, x’garanzija għandi li ma jinqabżux barrieri oħrajn?

Assolutament ma naqbilx. Naf li bħala sustanza hi forsi l-inqas waħda perikoluża mis-sustanzi kollha li jissemmew, però naf ukoll jew aħjar nibża’ li jekk tiġi legalizzata, tkun inqabżet l-ewwel barriera li dejjem kienet l-itqal waħda, u la darba tinqabeż l-ewwel barriera, x’garanzija għandi li ma jinqabżux barrieri oħrajn? 

Taqbel mal-abort? F'liema ċirkostanza? Għaliex?

Ma naqbilx, u qatt ma nista' naqbel. Kif nista' naqbel li tinqatel ħajja umana? Riċentement rajt xi filmati ta’ tobba li jispeċjalizzaw fuq l-abort, u meta tibda tara l-filmati ta x’jiġri waqt dan il-proċess, tinduna li mhux biss qegħdin jinqatlu ħajjiet umani iżda jkun qiegħed isir massakru fil-veru sens tal-kelma. 

Fl-2019 hemm l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Iż-żgħażagħ għaliex għandhom jivvutaw lilkom?

Għax sħubija fl-Unjoni Ewropea hi fiha nnifisha proċess kontinwu ta' tiġdid u mmodernizzar ta' pajjiż, ħsieb u għixien. Kien il-PN li fehem dan u stinka biex ksibnieh. B'hekk hu l-uniku partit konvint li permezz tas-sħubija nistgħu nkomplu nġeddu, intejbu u nsebbħu pajjiżna. Iż-żgħażagħ u t-tiġdid imorru flimkien. Bħalma jmorru flimkien iż-żgħażagħ, il-PN u l-Unjoni Ewropea.

Ħafna jħossu li intom tirrinforzaw il-partiġġjaniżmu u ma tippromovux il-ħsieb kritiku. X’taħseb?

Georvin Bugeja
Georvin Bugeja

Aħna ninforzaw l-attiviżmu. Attiviżmu li jagħtik ċans taħseb, tikkontribwixxi, tgħid fiex temmen u tkun parti mill-bidla.

F’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna rajna riformi kbar li biddlu l-mod ta’ kif issir il-politika. Niftakar li fl-2011, meta pajjiżna kien imsejjaħ biex jivvota f’referendum u li eventwalment għażel li jkun  introdott id-divorzju f’Malta; grupp ta’ żgħażagħ fil-Partit Laburista, nedew il-kampanja ‘Stand Up’. Din kienet kampanja li ġabret fi ħdanha, mhux biss żgħażagħ li minn dejjem kienu simpatizzanti tal-Partit Laburista, iżda anke nies, saħansitra eks kunsilliera Nazzjonalisti li lkoll kellhom għan wieħed - jikkampanjaw biex ikun introdott dan id-dritt.

Minn dakinhar ’il quddiem, iż-żgħażagħ fil-Partit Laburista, kienu ta’ sfida għall-Partit biex dan jibqa’ jiġġedded, jinbidel u jkun il-vuċi tal-progress f’Malta.

Apparti minn hekk, hemm ukoll l-aspett kritiku. F’dawn l-aħħar ħames snin, il-fergħa taż-żgħażagħ fil-Partit Laburista tkellmet dwar l-importanza li aktar persuni b’diżabilità jingħataw aktar attenzjoni u jkunu inklużi aktar fis-soċjetà minn aspetti differenti, permezz tal-kampanja ‘Empower Us’. Kienet il-fergħa taż-żgħażagħ li tkellmet favur introduzzjoni ta’ aktar drittijiet ċivili, fosthom anke li titneħħa r-restrizzjoni li teżisti u li ilha hemm snin twal, fuq irġiel omosesswali biex jagħtu donazzjoni tad-demm. Kienet ukoll il-fergħa taż-żgħażagħ fil-Partit Laburista li ddiskutiet suġġetti li mhumiex daqshekk sempliċi, li jistgħu jkunu saħansitra kontroversjali bħall-ewtanasja u anke suġġett kurrenti dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF.

Kieku ridna għamilna bħal ħaddieħor u matul dawn il-ħames snin li l-Partit Laburista kien fil-Gvern, noqogħdu pass lura, u nżommu lill-Forum bħala fergħa li taħdem biss matul xi kampanja elettorali, biex sempliċiment nagħtu l-impressjoni li dan huwa partit li jilqa’ fi ħdanu żgħażagħ ġodda, imma ma ridniex - għaliex dan mhuwiex l-istil ta’ din il-fergħa. Wisq aktar iż-żgħażagħ fil-Partit Laburista għandna sfida kontinwa, li nkunu l-vuċi kritika u ambizzjuża fil-Partit Laburista.

X'inhuma l-ambizzjonijiet tiegħek fil-partit?

Inħtart Segretarju Ġenerali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti fl-2017 u l-ikbar ambizzjoni tiegħi bħalissa li flimkien ma’ sħabi hija li nerġgħu nkunu forza essenzjali għal riżultat pożittiv favur il-Partit Laburista fl-elezzjoni tas-sena d-dieħla. Jien nixtieq nara wkoll li l-Partit Laburista jibqa’ jkun il-forza politika li hu llum, biex ikompli jiġġieled l-isfidi u jimmodernizza lil pajjiżna, b’hekk jgħin il-familji Maltin u Għawdxin jimxu ’l quddiem; lill-ħaddiema jkompli jagħtihom aktar opportunitajiet biex itejbu s-sitwazzjoni preżenti tagħhom, ikompli joħloq aktar ġustizzja soċjali u jagħmel lil pajjiżna pajjiż aktar ugwali. Nixtieq nara li l-Partit Laburista jkompli jagħti l-ispazju liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin fejn isemmgħu l-ideat tagħhom u jkunu jistgħu jesprimu dak li jħossu

Taqbel mal-legalizzazzjoni tal-marijuana għal skopijiet rikreattivi? Għaliex?

F’pajjiżna għandna sitwazzjoni li minkejja li l-użu tal-marijuana għal skopijiet rikreattivi huwa illegali sa issa, xorta waħda wieħed jista’ jsib jixtri u jagħmel użu minnha. Madanakollu l-fatt li għadha mhix legali f’pajjiżna qed titfa’ lil dawk li jpejpu joint f’dubju ta’ xi jkunu qed jpejpu fil-verità, apparti li qed jiffavorixxi lil min jittrafikaha. Irridu nirrikonoxxu wkoll il-fatt li f’dawn l-aħħar snin sar ukoll progress biex min pereżempju, jinqabad ipejjep joint, ma jkunx meqjus bħala xi ħadd kriminali. Għalhekk naħseb li huwa importanti li ma nibqgħux nibżgħu niddiskutu kwistjonijiet bħal dawn, naffaċjawhom b’mod matur, nisimgħu dak kollu li hemm x’jingħad dwar dan is-suġġett u naffaċjaw ir-realtà. Nemmen li b’diskussjoni matura, nistgħu nibdew nindirizzaw din l-kwistjoni li ilha tkarkar għal snin twal. Għalkemm jien ukoll irrid nisma’ iktar f’dan id-dibattitu bil-mod kif qed nara l-affarijiet issa ngħid li dan għandu jkun il-pass li jmiss.

Taqbel mal-abort? F'liema ċirkostanza? Għaliex?

Din hija kwistjoni sensittiva ħafna. Fl-aħħar ġimgħat rajna wkoll pajjiżi oħra li l-elettorat ivvota dwarha, fosthom fl-Irlanda fejn 66.4% vvutaw favur l-introduzzjoni tal-abort. Fl-Arġentina wkoll kien hemm il-Kungress li ftit tal-jiem ilu għażel li jillegalizza l-abort fl-ewwel 14-il ġimgħa tat-tqala. Naħseb li minħabba dawn iċ-ċirkostanzi f’pajjiżi oħrajn, se jeċċeleraw iż-żmien li jkun imiss li niddiskutu din il-kwistjoni, xi ħaġa li bħala pajjiż, naħseb li ilna snin twal nantiċipaw. Nemmen li din m’għandha qatt tkun kwistjoni li tinħonoq mill-partiġġjaniżmu. Inħoss però li rridu nisimgħu l-argumenti ta’ min hu favur, daqskemm dawk ta’ min hu kontra.

Personalment, le, ma naqbilx mal-abort, iżda ma nħoss li l-ħsibijiet tiegħi għandhom ikunu imposti fuq ħaddieħor, għaliex nifhem li mhux kulħadd għandu l-istess valuri jew prinċipji morali tiegħi.

Personalment, le, ma naqbilx mal-abort, iżda ma nħossx li l-ħsibijiet tiegħi għandhom ikunu imposti fuq ħaddieħor

Fl-2019 hemm l-elezzjonijiet tal-PE. Iż-żgħażagħ għaliex għandhom jivvutaw lilkom?

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li se jaħbtu wkoll mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jkunu storiċi għax il-moviment tagħna reġa’ kellu viżjoni ta’ demokrazija ikbar. Għall-ewwel darba, żgħażagħ ta’ sittax -il sena se jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew wara r-riformi li ddaħħlu fis-seħħ din is-sena. Naħseb li fl-2015 kellna riżultat interessanti ħafna meta żgħażagħ ta’ 16-il sena pparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u kienu bosta ż-żgħażagħ li ġew eletti fil-Kunsilli Lokali, saħansitra f’karigi ta’ Sindki u Viċi-Sindki.

Iżda l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jsiru fi żminijiet kruċjali għal pajjiżna. Nafu u rajna l-attitudni tal-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti li jmorru barra minn xtutna jippruvaw jinqdew bl-istituzzjonijiet Ewropej biex jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna - rajna lil Casa diversi drabi f’dawn l-aħħar xhur, jippoppa sidru ma’ Membri Parlamentari Ewropej oħrajn, jipprova jdaħħal fl-imħuħ in-nies sitwazzjoni surreali, li ma teżistix. Nifhem li pajjiżna bħal kull demokrazija oħra għandha d-difetti tagħha, iżda dak li qed jippruvaw ipenġu l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti madwar l-Unjoni Ewropea dwar Malta huwa kollu mimli tiżjin, u mfawwar b’negattività għaliex m’hemmx Gvern immexxi minn Partit Nazzjonalista.

Dan jikkuntrasta bil-wisq mal-ħidma li qed jagħmlu l-MPE tal-Partit Laburista biex jipproteġu l-interess ta’ Malta f’din l-istituzzjoni Ewropea. Għalhekk huwa importanti l-irwol li għandhom iż-żgħażagħ f’dawn l-elezzjonijiet. Mill-ġdid nemmen li l-għażla se tkun ċara; fuq naħa n-negattività ta’ min għadu ma jridx jifhem li l-poplu qed jirrifjutah u min-naħa l-oħra tim wieħed ta’ kandidati bi sfond differenti li huma lesti li jagħtu l-enerġija u l-impenn tagħhom fl-interess ta’ Malta

More in Politika