Ftit mumenti wara li ntemmet il-konferenza stampa f'Kastilja, f'konferenza separata, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa jekk dan l-arranġament tal-lum biex l-immigranti li kienu abbord il-bastiment Lifeline jiżbarkaw Malta u jinqasmu bejn tmien pajjiżi inkluż Malta hix xi ħaġa ta' darba jew preċedent.
Żied jgħid li "nixtiequ nixprunaw l-Prim Ministru tagħna biex ikun leħen b’saħħtu fl-Ewropa. Irridu naraw il-prinċipju tat-trattat ta’ Dublin jinbidel sabiex naraw il-pajjiżi kollha jerġgħu l-piż tagħhom fil-problema tal-immigrazzjoni. Malta m'għandiex taqa' taħt il-pressjoni ta' pajjiżi oħra."
Delia kompla jgħid kif, "fl-aħħar snin din il-problema naqqset. Kien hemm ħafna li qalu li dan kien frott ta' arranġament mal-Italja. In-nies trid tifhem li bidla fit-tmexxija tal-Gvern fl-Italja ma tbidilx il-ftehim." Allura skont Delia, "wieħed bilfors irid jistaqsi jekk il-ftehim kienx bejn żewġ stati jew bejn żewġ mexxejja," f'referenza probbabli għall Joseph Muscat u l-eks Prim Ministru Taljan Matteo Renzi.
"Dawn is 70,000 ruħ li Malta qed jingħad li għandha bżonn minn fejn qed jippretendihom li jiġu? Il-kritika tal-oppożizzjoni hi li l-Gvern mingħajr pjan fl-immigrazzjoni. Ma nistgħux nibqgħu nirreaġixxu għal-problema. Irridu nkunu ċari fejn qegħdin," saħaq il-Kap tal-PN.
Delia qal li dawn il-mistoqsijiet l-oppożizzjoni se tibqa' tagħmilhom minħabba l-importanza nazzjonali.