'L-irwol tal-edukaturi ma jistax jibqa' jiġġebbed' - L-MUT lill-Gvern

L-MUT xettika dwar kemm se jkun hemm edukaturi li jaqblu li jagħmlu superviżjoni fil-vannijiet tal-iskola

Il-Unjin Maltija tal-Għalliema saħqet li l-Ministeru għall-Edukazzjoni ma jistax jibqa' jippretendi li l-irwol tal-edukaturi jibqa' jiġġebbed biex jilqa' għall-ħtiġijiet ta' wegħdiet, li skont l-MUT, huma sbieħ fuq il-karta iżda mingħajr l-ebda pjan kif se jitwettqu.

Hija qalet dan fi stqarrija dwar il-proposta għal superviżjoni waqt it-trasport tal-istudenti, li għalkemm taqbel magħha, wriet ix-xettiċiżmu dwar kemm l-edukaturi se jieħdu sehem f'din l-inizjattiva.

Il-Unjin qalet li wriet ix-xettiċiżmu tagħha f'żewġ laqgħat mal-awtoritajiet konċernati fejn f’waħda minnhom kien hemm preżenti wkoll rappreżentanti ta’ kumpanija privata li ġiet imqabbda sabiex tagħmel l-istudji preparatorji għal dan is-servizz.

Fi Frar li għadda, il-Ministeru għall-Edukazzjoni kien nieda konsultazzjoni dwar servizz ta' trasport b’xejn u b’supervizjoni għall-istudenti kollha tal-kindergarten u fit-tagħlim obbligatorju.

L-edukaturi li se jkunu qed jagħmlu din is-superviżjoni se jkunu qed jitħallsu iżda anke dwar dan l-MUT saħqet li "l-ħlas propost ma jista' qatt jagħmel tajjeb għall-ħtiega li edukaturi jkollhom jaslu fil-'pick up point' bil-vettura tagħhom, iħalluha pparkjata hemm u wara jerġgħu jagħmlu l-istess."

Apparti minn hekk fakkret li hemm każijiet fejn filgħodu s-servizz ikun lejn direzzjoni partikolari u waranofsinhar lejn direzzjoni oħra. 

Kien għalhekk li l-Unjon ħeġġet lill-Gvern biex janalizza sew u jindirizza r-raġunijiet veri wara n-nuqqas ta’ interess mill-edukaturi.

Temmet tisħaq ukoll dwar il-ħtieġa li l-persuni li ser jiġu fdati sabiex joffru dan is-servizz għandu jkollhom il-kredenzjali kollha sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu superviżjoni mal-istudenti.

More in Politika