Proġett db | Ir-residenti jiftħu qalbhom mal-President

Dan il-proġett jinkludi torri ta' 37 sular u lukanda ta' 19-il sular u li se jinbena ftit metri biss 'il bogħod mill-appartamenti ta' madwar 260 familja

Residenti ta' Pembroke ltaqgħu mal-President ta' Malta, Marie-Louise Coleiro Preca biex juru t-tħassib tagħhom dwar il-proġett propost fuq is-sit tal-ITS.

Dan il-proġett jinkludi torri ta' 37 sular u lukanda ta' 19-il sular bir-residenti jisħqu mal-President li dan se jinbena ftit metri biss 'il bogħod mill-appartamenti ta' madwar 260 familja li jgħixu f'akkomodazzjoni soċjali.

"Żvilupp mostruż bħal dan mhux biss se jgħatti x-xemx b'mod kważi permanenti għar-residenti li jgħixu f'dawn l-appartamenti, iżda se jikkawża wkoll ħsara permanenti lis-saħħa fiżika u mentali tagħhom, speċjalment fuq dik tat-tfal, matul il-fażi tal-kostruzzjoni tal-proġett li se tieħu s-snin u li se tiġġenera tniġġis tal-arja u storbju ma jaqta' xejn," saħqu r-residenti.

Apparti minn hekk fakkru li l-iżviluppatur irid iqiegħed impjant li jipproduċi l-konkrit (batching-plant) ħdejn id-djar tar-residenti, ħaġa li skont ir-residenti hija verament perikoluża għas-saħħa tan-nies, speċjalment għas-sistema respiratorja.

F'dawn l-aħħar jiem, ir-residenti għamlu wkoll tliet laqgħat separati mad-deputati eletti kollha mid-disa' u l-għaxar distrett sabiex jiddeskrivu l-impatti negattivi ħafna tal-proġett propost mid-db Group li jekk isir se jidfinhom ħajjin.

Aqra aktar:

More in Politika