Malta, l-Italja u t-Tuneżija jgħalqu l-portijiet għal 40 immigrant

NGO tisħaq illi d-dgħajsa kienet fl-ibħra Maltin u li kienet trasferita lejn l-ibħra tat-Tuneżija 'illegalment'

(Arkivji)
(Arkivji)

Il-WatchtheMed Alarm Phone, pjattaforma ta' attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u li żżomm għajnejha fuq il-passi tal-immigranti fil-Mediterran, biex tassigura l-protezzjoni tagħhom, qed issostni li dgħajsa b'40 immigrant "kienet trasferita b'mod illegali lejn l-ibħra territorjali tat-Tuneżija." Fi stqarrija huma qalu li d-dgħajsa, magħmula mill-injam u li kienet telqet mill-Libja, kienet tinsab fiż-żona ta' Tfittxija u Salvataġġ (SAR) Maltija. 

Jidher illi kemm Malta kif ukoll l-Italja ma ħallewx din id-dgħajsa tidħol fil-portijiet, dejjem skont din l-għaqda non governattiva. "L-immigranti għadhom jinsabu f'limbu. Wara li kienu salvati...id-dgħajsa ttieħdet lejn Sfax fit-Tuneżija, imma l-awtoritajiet ta' hemmhekk m'aċċettawx li d-dgħajsa tidħol f'dan il-port. Minn hemmhekk tmexxew lejn Zarzis fit-Tuneżija wkoll, imma anke hawnhekk ma tħallewx jidħlu."

Il-Grupp WatchtheMed Alarm Phone qed jinsisti li dawn in-nies jittieħdu mill-ewwel f'port sigur fl-Ewropa, "u qed nesiġu li gwardji tal-kosta jieħdu r-responsabilità tad-dgħajjes, skont kif tgħid il-liġi." 

More in Politika