Editorjal | L-anarkija taħt għajnejna...
Iż-żmien li nħarsu u nippretendu li l-affarijiet se jmorru ’l quddiem u jsolvu lilhom infushom waħedhom, spiċċa. Inkella l-anarkija ta’ ħdejna, se ssir l-anarkija fi ħdanna.
minn Albert Gauci Cunningham
Immaġinaw li tgħixu f’dar. Mingħand ta’ ħdejkom tisimgħu ġlied, għajjat, tkissir u vjolenza kuljum. Kull meta toħorġu fil-gallarija taraw nies deħlin u ħerġin ibigħu d-droga, prostituti u parapett mimli siringi. Ma tiħdux pjaċir, hux hekk? Anzi probabli tieħdu xi forma ta’ azzjoni biex direttament tgħinu lill-ġirien tagħkom, u forsi titolbu l-għajnuna tal-liġi wkoll. B’hekk tipprova tassigura li s-sitwazzjoni tal-ġirien tinbidel u b’hekk tgħix f’aktar sigurtà u torqod fil-paċi.
Issa immaġinaw li dawn ż-żewġt idjar, huma pajjiżi; Malta u l-Libja. L-istorja li ppublikajna bhar il-Ħadd dwar is-sitwazzjoni fil-Libja mhix biss ta’ inkwiet serju, imma għandha tkun bozza ħamra għalina lkoll, għall-Gvern ta’ pajjiżna, għall-klassi politika kollha tagħna u għall-politiċi Ewropej.
Nistednukom taqraw l-artiklu u wara tfittxu intom stess dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u nassigurawkom li se tkun l-aktar ħaġa ta’ tħassib li se tkunu qrajtu din il-ġimgħa (sakemm m’intomx razzisti). Pajjiż enormi, sinjur fir-riżorsa spiċċa litteralment miżbla ta’ traffikanti bla qalb li qegħdin, intenzjonalment, iżommu l-Libja f’anarkija biex huma u komunitajiet sħaħ magħhom jibqgħu jgawdu, fost oħrajn, mill-abbuż sfaċċat li għaddej bin-nies.
Pajjiż enormi, sinjur fir-riżorsa spiċċa litteralment miżbla ta’ traffikanti bla qalb li qegħdin, intenzjonalment, iżommu l-Libja f’anarkija
Hija verament tal-biża’ li l-Unjoni Ewropea qed tgħix f’bużżieqa, iddawwar wiċċha n-naħa l-oħra, wara li kienu pajjiżi tal-UE stess li intervejenew biex jintneħħa dittatur ħalli tibda s-suppost ‘rebbiegħa Għarbija’. U llum dan il-pajjiż li suppost miegħu qed ninnegozjaw, li suppost miegħu bdejna nagħmlu n-negozju qed jikrolla (jekk mhux diġà krolla) u spiċċa għalqa fertili għall-ħażen, l-abbuż, għall-vjolenza u l-kriminalità.
Issa jkun hemm min jgħid, imma lilna x’tolqotna l-Libja? Apparti l-fatt li huwa pajjiż ġar tagħna, il-Libja hi wkoll il-pajjiż minn fejn qed jgħaddu eluf u eluf ta’ immigranti, li wħud jispiċċaw f’pajjiżna, oħrajn fuq il-kontinent Ewopew u oħrajn mejta. U huwa ta’ xejn li norganizzaw ħafna summits, huwa ta’ xejn li nipprovaw ‘insolvu’ din il-problema tal-immigrazzjoni, jekk il-Libja għadha pajjiż passatur, f’anarkija illi litteralment qed tintuża bħala ‘kuritur’ ta’ traffikar uman għall-Ewropa.
Immaġinaw; tinsa l-vit miftuħ fil-kamra tal-banju fuq in-naħa ta’ ġewwa tad-dar. Sigħat wara d-dar tibda tegħreq. Taqbad squeezer toqgħod ħdejn il-bieb u tixkupa l-ilma ’l barra. Il-problema hija li tixkupa kemm tixkupa ilma, jibqa’ ġej u ġej u ġej.
U huwa ta’ xejn li norganizzaw ħafna summits, huwa ta’ xejn li nipprovaw ‘insolvu’ din il-problema tal-immigrazzjoni, jekk il-Libja għadha pajjiż passatur, f’anarkija illi litteralment qed tintuża bħala ‘kuritur’ ta’ traffikar uman għall-Ewropa.
U hekk eżatt qed nagħmlu fuq l-immigrazzjoni. Qed nilagħbu poker b’ħajjet in-nies u nipprovaw insolvu l-effett tal-problema, mhux l-għerq tagħha. Qed noqogħdu niġġieldu ’l fejn se nixkupaw l-ilma (biex inżommu mal-metafora) imma m’aħniex qed nitkellmu dwar kif se nagħlqu l-vit.
Sakemm il-Libja ddum fl-istat li hi, nistgħu mhux nagħmlu summits għax l-immigranti se jibqgħu ġejjin u ġejjin u ġejjin u t-traffikanti se jibqgħu jimlew l-but u jimlew il-but.
Dan biex ma nsemmux l-atroċitajiet li qed isiru u l-mod kif qed jinkisru d-drittijiet tal-bniedem bl-aktar mod vili, taħt imneħirna. U l-UE, allajbierek ma tgħid xejn.
Persuni, diġà vittmi taċ-ċirkostanzi u allura b’riżultat ikollhom jitilqu minn pajjiżhom jerġgħu jsiru vittmi darb’oħra hekk kif kriminali armati jitolbuhom iġorru d-droga minn post għall-ieħor, bid-detriment u l-konsegwenzi jkollhom iġorruhom huma. U jekk ma tridx, jihder illi fiċ-ċentri tad-detenzjoni fil-Libja immigrant irid litteralment iħallas jew jipprostitwixxi lilu nnifsu biex jiekol. Araw x’għarukaża! Araw x’qed jiġri llum, fl-2018 taħt imneħirna. F’liema stat baxxejna bniedem, għax huwa iswed. Forsi mhux aħna, vera. Però issa m’hemmx skużi, nafu x’inhu jiġri u x’ilu jiġri għal mill-anqas dawn l-aħħar ħames snin. Issa s-silenzju jsir kompliċità!
Araw x’għarukaża! Araw x’qed jiġri llum, fl-2018 taħt imneħirna. F’liema stat baxxejna bniedem, għax huwa iswed. Forsi mhux aħna, vera. Però issa m’hemmx skużi, nafu x’inhu jiġri u x’ilu jiġri għal mill-anqas dawn l-aħħar ħames
L-iskjavitù jinsab magħna u dawk il-pajjiżi li ġustament taw tant għajnuna (Franza, l-Italja, l-Ingilterra u anke aħna xi ftit) biex ineħħu dittatura (u sewwa ħafna għamilna), illum iħarsu, spettaturi ta’ ċirku anarkiku, imdemmi.
Irridu nkunu aħna, il-Gvern Malti, għax wara kollox aħna qegħdin bieb u għatba mal-Libja, li nerġgħu nqajmu (u b’urġenza) il-bżonn li l-kriminalità fil-Libja tkun taħt kontroll, f’ġieħ is-sewwa, f’ġieħ id-drittijiet tal-bniedem, f’ġieħ is-solidarjetà, f’ġieħ is-sigurtà u f’ġieħ il-valuri Kristjani li l-Ewropa kollha tant tiftaħar bihom.
Iż-żmien li nħarsu u nippretendu li l-affarijiet se jmorru ’l quddiem u jsolvu lilhom infushom waħedhom, spiċċa. Inkella l-anarkija ta’ ħdejna, se ssir l-anarkija fi ħdanna.