It-tielet delegazzjoni tal-PE se tiġi f'Malta f'Settembru li ġej

Id-delegazzjoni se tkun qed iżżur lil Malta u l-Islovakkja bejn is-17 u d-19 ta' Settembru li ġej

F'Settembru li ġej se tkun qed tasal f'Malta t-tielet delegazzjoni li se tkun qed tinvestiga s-Saltna tad-dritt f'Malta.

Wara li spiċċa l-mandat tad-delegazzjoni mmexxija minn Ana Gomes, ix-xogħol kollu se jkun qed jgħaddi f'idejn delegazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili.

Filwaqt li l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista David Casa kien membru fid-delegazzjoni ta' Gomes, l-Ewroparlamentari Roberta Metsola se tkun qed tinvestiga lil Malta u l-Islovakkja fid-delegazzjoni mmexxija minn Sophie in 't Veld, li mhux l-ewwel darba li kienet kritika ta' Malta.

Id-delegazzjoni se tkun qed iżżur liż-żewġ pajjiżi bejn is-17 u d-19 ta' Settembru li ġej.

Fi stqarrija, maħruġa mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta ntqal li "l-għan taż-żjara ad hoc tad-delegazzjoni huwa li tara mill-qrib xi żviluppi kien hawn f'Malta u anke fl-Islovakkja u tkompli x-xogħol ibbażat fuq ir-riżultati tal-missjonijiet preċedenti fiż-żewġ pajjiżi."

Il-missjoni kienet irrikmandata mill-grupp ta' monitoraġġ dwar l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni li għadu kif twaqqaf mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili f'Ġunju. Il-grupp jindirizza b'mod speċifiku s-sitwazzjoni f'Malta u fl-Islovakkja.

Min-naħa tagħha, Sophie in 't Veld (ALDE, NL), qalet din iż-żjara se tkun qed issir biex ikun żgurat li l-istat tad-dritt qed ikun irrispettat fl-Unjoni Ewropea kollha

"Hemm tħassib serju dwar problemi speċifiċi fiż-żewġ pajjiżi, li jaffettwaw l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi," ttemm tgħid l-Ewroparlamentari.

Id-delegazzjoni ta' Ana Gomes kienet iltaqgħet ma' diversi persuni, fosthom mal-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi l-inkjesta dwar Egrant u anke mal-Maġistrat Anthony Vella li kien qed imexxi l-inkjesta dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia qabel ma nħatar Imħallef.

Minkejja dan, id-delegazzjoni baqgħet qatt ma rnexxielha tiltaqa' mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u lanqas maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

More in Politika